Lokali Qorti

Sitt snin u nofs ħabs wara li sawwat u hedded lill-eks sieħba

Somalu ta’ 36 sena ġie kkundannat sitt snin u nofs ħabs wara li nstab ħati li weġġa’ gravi lill-eks sieħba tiegħu kif ukoll li heddidha.

Waqt is-seduta ngħad li l-każ seħħ bejn l-1 u t-2 ta’ Mejju tal-2024 u li r-relazzjoni tagħhom kienet spiċċat ftit żmien qabel. Ingħad ukoll li matul ir-relazzjoni kellhom diversi argumenti u wara li kienu jirranġaw u kienet tmur lura d-dar tiegħu.

Fil-lejl tar-reat huma kienu qed jixorbu u bdew jargumentaw fuq affarijiet tal-passat fejn imbagħad is-Somalu beda jirrabja u nfexx jinsulentaha. Hija kienet qalet li huwa rrabja aktar meta qaltlu li se tibda tfittex xogħol. Ftit tal-ħin wara hekk kif qaltlu li se tmur torqod huwa beda jagħtiha fuq rasha kif ukoll fuq daharha.

Waqt ix-xhieda tagħha l-vittma qalet li marret għand ħanut fiz-zona bis-sid qalilha biex iċċempel lil Pulizija hekk kif innota l-istat li kienet tinsab fih. Il-ġrieħi tagħha ġew iċċertifikati bħala gravi u li l-ferita ta’ wiċċċha hija permanenti.

Minn naħa tiegħu, l-akkużat qal li huwa qatt ma sawwat lill-eks sieħba tiegħu u li kienet hi stess li tweġġa’ lilha nnifisha.

Fil-Qorti, il-vittma qalet li riedet taħfirlu iżda l-Maġistrat ċaħdet din it-talba u sabet lis-Somalu ħati. Apparti s-sentenza ta’ ħabs il-Maġistrat Abigail Critien ħarġet ordni ta’ trattament għal erba’ snin u ordnatlu jħallas €492 fi spejjeż tal-Qorti.