Lokali Parlament

1,730 jistennew akkomodazzjoni soċjali

Bħalissa hemm 1,730 applikant fuq il-lista ta’ stennija għal akkomodazzjoni soċjali. Minn Jannar 2025 sal-lum ġew iffirmati 136 kuntratt ġdid għall-akkomodazzjoni soċjali.

Dwar l-akkomodazzjoni soċjali tkellem fil-Parlament il-Ministru Roderick Galdes li kien qed jirrispondi bil-miktub mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli għad irid jgħid kemm-il każ jinsab fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali, irrifjuta post mogħti lill-applikanti mill-Awtorità tad-Djar, u x’raġunijiet ingħataw. Din it-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Jirriżulta wkoll li hemm 11-il applikant b’każijiet relatati ma’ vjolenza domestika li jinsabu fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali. Ll-Awtorità tad-Djar toffri diversi skemi ta’ għajnuna, fosthom dik tal-Ewwel Kirja u d-Depożitu għall-Inkwilini.