Lokali

Ajruplan tal-armata jkollu jwettaq inżul ta’ emerġenza

Ajruplan tal-Forzi Armati ta’ Malta, tal-għamla King Air 200, kien sfurzat jagħmel inżul ta’ emerġenza ftit wara li telaq mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-7 tal-Ħamis filgħaxija, meta l-ajruplan esperjenza problema fil-protezzjoni tal-magna tal-lemin hekk kif jidher li għal xi raġuni infetħet il-cowling.

Kien propju għalhekk li l-ajruplan tal-AFM għamel inżul ta’ emerġenza f’temp ta’ 10 minuti minn xħin beda t-titjira. Kawża ta’ dan kollu tħallew żewġ titjiriet kummerċjali jistennew fl-ajru Malti. B’waħda minn dawn it-titjiriet tinforma lit-torri tal-ajruport li kien se jkollu jdur lura mill-ajruport Malti għaliex ma kellux biżżejjed fuel sabiex jibqa’ fl-ajru.

Intant, fl-aħħar jiem il-Ministru Byron Camilleri kkonferma li l-Forzi Armati ta’ Malta qed topera biss b’helicopter wieħed minn ħamsa. Dan għaliex tnejn minn ħamsa għaddejin b’manutenzjoni u tnejn oħra waqfu milli jintużaw kompletament mill-Forzi Armati.

B’rabta ma’ dan kollu, ix-Shadow Minister Darren Carabott stqarr li huwa ta’ tħassib kif l-armata għandha biss helikopter wieħed li jista’ jintuża.