Noel D’Anastas
Meqjusa bħala l-akbar esportazzjoni ta’ death metal lokali, Beheaded għadu kemm nieda l-vidjo mużikali għas-silta ‘Il-Kittieb’ – l-ewwel single mis-seba’ studio album tant mistenni tal-Beheaded, miktub kollu kemm hu bil-Malti. L-album se jġib l-isem ta’ Għadam.
Dan l-album li qed jitqies bħala kapulavur lokali fix-xena death metal, se joħroġ fil-25 ta’ Lulju fuq Agonia Records. L-album jesplora l-wirt indiġenu tal-gżira, it-twemmin u x-xogħlijiet tal-awtur tal-orrur lokali, Anton Grasso. Jekk wieħed jara l-vidjo mużikali, joħroġ ċar l-aspett ċinematiku li jiġbor perfettament it-temi kollha tal-album, taħt id-direzzjoni ta’ Raul Noise.
Għadam huwa album li jimmarka evoluzzjoni sinifikanti fil-vjaġġ tal-Beheaded li se jagħmlu l-ewwel album death metal li qatt inkiteb bil-Malti, li jorbot l-orrur, il-letteratura u l-death metal Malti f’kunċett koeżiv. L-album jinkorpora influwenzi mużikali msejsa fil-wirt tal-gżira, u jħallat il-grinta qawwija tal-band ma’ elementi ta’ mużika reliġjuża u folkloristika tradizzjonali, u joħloq fużjoni unika li tagħti ġieħ lill-oriġini kulturali tal-Beheaded, album li jista’ jitqies bħala sens ta’ identità nazzjonali. B’dan l-album, Beheaded mhux biss jimbotta l-konfini tal-ħoss tiegħu, iżda wkoll ikompli jissaħħaħ il-wirt tal-pijunier tal-Death Metal Malti.
L-album Għadam huwa bbażat u ispirat minn diversi kotba tal-awtur prolifiku Malti tal-orrur, Anton Grasso li min jaf kemm aħna li għalaqna l-40 sena u aktar, smajna l-vuċi tiegħu fuq ir-radju taqra mill-kotba tiegħu stess u oħrajn fl-istess ambjent ta’ biża u dlamijiet, il-famużi ‘Stejjer tal-Waħx’. It-titlu ta’ dan l-album jixhed dan.
Għadam jinkludi disa’ kanzunetti li kollha jużaw titlu ta’ wieħed mill-kotba tal-awtur, li mbagħad jiġu interpretati fi storja, tema jew suġġett differenti minn dak li wieħed isib miktub fil-ktieb. Ta’ min isemmi wkoll li f’dan l-album, wieħed isib siltiet, frażijiet, suġġetti minn xogħlijiet klassiċi tal-poeżija lokali, kif ukoll siltiet meħuda minn talb u referenzi reliġjużi.
L-idea wara dan ix-xogħol huwa li hu miktub kollu bil-Malti, li jagħti ġieħ u jesplora l-wirt kulturali lokali fil-kuntest ta’ dak kollu marbut mal-orrur, il-biża’, is-superstizzjonijiet, l-okkult, il-makabru, il-folklor u kif dawn jeżistu id f’id mal-fidi u d-devozzjoni.
Beheaded jikkummenta: “Għadam, huwa s-seba’ album tal-band. Huwa rakkont skur li qed jiżvolġi fil-pajsaġġ Malti ‘nocturne-esque’. Jidħol fil-folklor tal-gżira, fejn is-superstizzjoni u d-devozzjoni reliġjuża ferventi joħolqu atmosfera kiesħa. Dan il-vjaġġ fl-abbiss huwa mmexxi mill-vuċi awtorevoli tax-xogħlijiet ta’ Anton Grasso, li jiggwidaw id-dawl fid-dlam waqt li jżommu l-essenza tal-ħoss tat-timbru tagħna li jinkorpora is-sonoritajiet ta’ armoniji reliġjużi tradizzjonali u marċi funebri, u joħloq xenarju soniku, li huwa brutali kif ukoll profondament inkwetanti.”
L-album ġie rrekordjat u mixed fl-MK2 Recording Studios fl-Italja minn Davide Billia ta’ Antropofagus/Coffin Birth, b’inġinerija ta’ synth analog magħmula minn Nicolò Brambilla f’Echoes Studio fl-Italja ukoll.
Tajjeb li nsemmu li l-kanzunetta ‘Irmied’ ġiet irrekordjata f’Railway Studios minn Peter Borg u interpretata minn Simone Brigo fuq harp guitar magħmulha bl-idejn, kortesija ta’ Josef Camilleri (Cross Guitar Work).
Għadam ġie mastered minn Wojtek Wiesławski f’Hertz Studio fil-Polonja. Ritratt tal-qoxra tal-album hu ta’ Raffaele Montepaone.
Għadam se jinħareġ f’diversi formati, inkluż vinyl, cd, cassette u diġitali. Segwu l-paġna ta’ facebook ta’ Beheaded kif ukoll dik ta’ Agonia Records.
Beheaded huwa magħmul minn Frank Calleja (vuċi), Simone Brigo u Fabio Marasco (kitarri), David Cachia (bass), u Davide Billia (drums). Beheaded se jdoqq f’diversi kunċerti u festivals fosthom dak f’Gothoom Festival fi Slovakkja fid-29 ta’ Awwissu u f’Mutilated Fest fi Brooklyn New York fit-18 ta’ Ottubru. Ma’ dawn hemm pjanati dehriet oħrajn fl-Istati Uniti.
It-tracks li wieħed isib f’Għadam huma:
1. Għadam
2. Xtrajt l-infern
3. B’niket inħabbru l-mewt
4. Iħirsa
5. Il-Kittieb
6. Ix-xjaten ta’ moħħi
7. Iljieli bla qamar
8. Jidħaq il-lejl
9. Irmied