L-istat tal-iżbilanċ fil-finanzi tal-gvern u d-dejn rekord dejjem jiżdied f’pajjiżna mhumiex biss ta’ tħassib għall-Maltin u l-Għawdxin, imma huma wkoll piż dirett fuq il-ħajjiet tagħhom u fuq il-kwalità tal-ħajja li qed ngħixu.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ix-Shadow Minister għall-Finanzi Graham Bencini u x-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia spjegaw kif kuntrarjament għal dak li jiftaħar bih il-Gvern Laburista, il-finanzi tal-Gvern xejn ma jinsabu f’qagħda tajba.
Għalkemm għal ħafna nies forsi ċ-ċifri ma jfissru assolutament xejn, madanakollu dan qed ikollu impatt negattiv serju fuq il-ħajja ta’ kull Malti u Għawdxi.
Ix-Shadow Ministers spjegaw kif fl-2024 l-iżbilanċ kien jammonta għal €825 miljun jew 3.7% tal-Prodott Gross Domestiku – li huwa ogħla mill-medja tal-UE u taz-zona ewro – minħabba li l-Gvern nefaq aktar milli daħħal, tort l-aktar tal-fatt li nqabeż il-budget fuq numru ta’ proġetti b’diversi miljuni – xi ħaġa li tkellem dwarha fl-aħħar jiem il-Malta Fiscal Advisory Council, li wissa lill-Gvern biex jikkontrolla l-infiq wara li dan qabeż sew il-miri għall-2024. Il-Kunsill sostna li l-livell attwali tan-nefqa tal-Gvern mhuwiex sostenibbli u jista’ jwassal biex Malta tinstab li qed tikser ir-regoli fiskali tal-UE.
Filwaqt li din in-nefqa żejda fuq proġetti mhix sostenibbli, il-pajjiż irreġistra defiċit fil-finanzi pubbliċi minkejja li fl-aħħar xahar tas-sena l-oħra l-Gvern daħħal €369 miljun aktar mill-income tax. Li kieku ma kienx għal din iż-żieda, l-iżbilanċ għall-2024 kien ikun ferm ogħla. Kien il-Gvern Laburista li f’dik l-istess sena daħħal ukoll lil Malta fl-hekk imsejħa Excessive Deficit Procedure tal-Kummissjoni Ewropea wara li s-sena ta’ qabel Malta rreġistrat żbilanċ ogħla minn dak permess mill-UE (3%).
Stampa xejn sabiħa toħroġ ukoll mill-istatistika tal-Gvern stess maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar id-dejn pubbliku, li qed jikber malajr wisq u li l-Gvern ma għandu xejn x’juri għalih. Fl-aħħar sena d-dejn żdied bi €867 miljun, jew €2.4 miljun kuljum, biex illum ilaħħaq kważi €11-il biljun. Malta qatt ma kellha daqshekk dejn u Robert Abela waħdu għamel dejn għal Malta daqs il-Prim Ministri l-oħra kollha ta’ qablu flimkien. Meta sar Prim Ministru Robert Abela, Malta kellha dejn ta’ madwar ħames biljun ewro, u f’ħames snin Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana rnexxielhom jirduppjaw dan id-dejn u iżjed. Aktar inkwetanti hu l-fatt li mad-dejn qed jikber ukoll l-imgħax li nħallsu fuq dan id-dejn li fl-aħħar ta’ Mejju kien ilaħħaq il-€118-il miljun. F’sena l-imgħax fuq id-dejn żdied bi kważi €15-il miljun.
Graham Bencini u Jerome Caruana Cilia taw rendikont ta’ kemm qed inħallsu kuljum mit-taxxi tagħna biex nagħmlu tajjeb għall-imgħax fuq id-dejn li qed jagħmel il-Gvern Laburista – fondi pubbliċi li kieku jistgħu jmorru biex jiffinanzjaw sptarijiet u kura tas-saħħa, skejjel, trasport pubbliku aħjar, titjib fl-infrastruttura, jew servizzi soċjali bħall-pensjonijiet, imma li minflok qed jinbelgħu biex jiġi ffinanzjat id-dejn pubbliku.
Imgħax fuq id-dejn (sena b’sena)
2023 €214 miljun €590,000 kuljum
2024 €263 miljun €720,000 kuljum
2025 (previst) €312 miljun €855,000 kuljum
2026 (previst) €345 miljun €945,000 kuljum
2027 (previst) €390 miljun €1,070,000 kuljum
Ix-Shadow Ministers spjegaw li d-dejn sar inkontrollabbli u aktar dejn ifisser inqas flessibbiltà għal pajjiżna biex jindirizza kriżijiet – li jistgħu jinqalgħu bħalma nqalgħu fil-passat – kif ukoll problema għall-ġenerazzjonijiet futuri li se jirtu dan id-dejn kollu, flimkien mal-obbligu li jħallsuh.
Problemi fil-fondi tal-Gvern ifissru li l-Gvern mhux qed isib flus għall-aktar affarijiet essenzjali u ta’ prijorità – fosthom is-saħħa u l-infrastruttura tal-pajjiż.
Dawn iċ-ċifri kbar li jista’ jkun ma tantx jinftehmu jfissru mediċini out-of-stock jew ta’ kwalità inferjuri; ifissru nuqqas ta’ investiment fis-sistemi tagħna bħal dik tad-drenaġġ, jew tal-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.
Ifissru inqas kwalità ta’ ħajja għalik għax min-naħa l-oħra int u l-familja tiegħek tibqgħu tiffaċċjaw għoli tal-ħajja dejjem jiżdied, aktar problemi fis-servizzi tas-saħħa fejn ibati biss il-pazjent, nuqqas ta’ investiment fl-edukazzjoni bl-istudenti jibqgħu jitgħallmu fil-kontejners, aktar qtugħ tad-dawl fis-sajf, problemi bid-drenaġġ ifur fil-baħar u ħafna diffikultajiet oħra.
Aktar preokkupanti minn hekk hu l-fatt li waqt li l-iżbilanċ qed jiżdied u d-dejn qed jisplodi, il-Gvern mhu qed jiddejjaq xejn ikompli jagħti d-direct orders, iberbaq il-fondi pubbliċi bl-addoċċ, waqt li jħalli lil dawk viċin il-Ministri jkompu jitħanżru. Anke l-Partit Laburista stess ma jiddejjaqx jitħanżer minn flus il-poplu u għas-serq tiegħu jkollna nħallsu jien u int – bħalma ġara ftit ilu meta l-Qorti Kostituzzjonali sabitu ħati li għal 45 sena sħaħ seraq proprjetà privata f’Birżebbuġa biex jużaha bħala każin u issa l-poplu se jkollu jħallas kumpens ta’ €840,000 għal dan is-serq tal-Labour.
Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex jirrevedi serjament il-prijoritajiet tiegħu u jerġa’ jiftakar li hu fid-dmir li jservi l-ewwel u qabel kollox lill-Maltin u lill-Għawdxin. Flus il-poplu qegħdin f’idejn il-Gvern biex dan jagħti lill-familji Maltin kwalità ta’ ħajja aħjar, mhux biex jisserva hu u ta’ madwaru u jkompli jdaħħal lil pajjiżna fil-ħajt.
Il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ għal tmexxija finanzjarja trasparenti u responsabbli. Il-flus li qed jintefqu huma tal-poplu – mhux ta’ Robert Abela jew ta’ Clyde Caruana. Il-Maltin u l-Għawdxin jixirqilhom ferm aħjar.
//= $special ?>