Lokali

Il-poplu Malti jkompli jħallas minn butu għas-serq tal-Partit Laburista

Wara l-każ ta’ Birżebbuġa, il-Qorti tordna kumpens f’każ ieħor ta’ proprjetà privata maħtufa mil-Labour biex tintuża bħala każin, din id-darba f’Tal-Pietà, u għal darba oħra se jħallas il-poplu

Wara li l-ġimgħa l-oħra l-Qorti Kostituzzjonali sabet lill-Partit Laburista ħati li seraq lis-sidien ta’ dar privata f’Birżebbuġa għal 45 sena sħaħ meta ħadilhom il-proprjetà tagħhom biex tintuża bħala każin tal-Labour, illum il-Qorti Ċivili sabitu ħati ta’ każ ieħor simili – din id-darba fil-konfront tas-sidien privati ta’ proprjetà f’Tal-Pietà li wkoll kienet tintuża mill-Partit Laburista bħala każin b’mod abbużiv għal għexieren ta’ snin.

F’dan il-każ il-Qorti ordnat li s-sidien jitħallsu kumpens ta’ aktar minn €200,000 li għal darba oħra se jkollu jħallas għalihom il-poplu Malti mit-taxxi tiegħu.

Dan ifisser li f’perjodu ta’ inqas minn ġimagħtejn, wara deċiżjonijiet tal-Qrati, il-kont li se jkollu jħallas il-poplu Malti minn butu għas-serq tal-Partit Laburista issa tela’ għal aktar minn miljun ewro. Fil-każ ta’ Birżebbuġa l-kumpens li ordnat li jitħallas il-Qorti kien ta’ €840,000.

Fiż-żewġ każi – sew tal-każin Laburista f’Tal-Pietà u anke fil-każ ta’ dak ta’ Birżebbuġa – il-Labour ħataf f’idejh il-proprjetà illegalment snin ilu u għamilha tiegħu, u issa wara snin twal ta’ dan is-serq, qed jispiċċa jħallas id-danni l-Istat, jiġifieri l-poplu Malti mit-taxxi tiegħu.

Il-Partit Laburista jmissu jistħi jitkellem dwar id-dejn ta’ ħaddieħor filwaqt li hu ilu s-snin jisraq lill-familji Maltin mid-dritt li jgawdu l-proprjetà tagħhom stess.

Il-Partit Laburista komdu jnaqqas mid-djun tiegħu billi jisraq lin-nies minn dak li hu tagħhom bi dritt. Xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista qatt ma għamel u qatt mhu se jasal jagħmel.

Il-Partit Laburista ilu li tilef kull sens ta’ moralità u spiċċa maħkum minn regħba biex jaħtaf kull ma jista’ – anke dak li mhux tiegħu.

Min jisraq liċ-ċittadin Malti biex jimla bwietu ma jixraqlux imexxi lil dan il-pajjiż.