Internazzjonali

It-triq tibda minn Wales…-Il-grupp Oasis jirritorna għal Reunion Tour wara 16-il sena

Wara snin twal ta’ spekulazzjoni, is-supergroup ‘Oasis’ qed jirritorna għal sensiela ta’ tours u fejn mill-ġdid qed jispikkaw l-aħwa Noel u Liam Gallagher – il-fundaturi tal-grupp u tnejn mill-aktar protagonisti kontroversjali fix-xena mużikali  li ħallew impatt kbir fuq il-ġeneru tal-mużika Britpop.

Fil-fatt, il-fans numerużi tal-grupp ilhom jistennew għal sittax-il sena biex jaraw mill-ġdid lil Oasis live u wara li l-grupp kien sfaxxa minħabba hekk-imsejħa ‘differenzi artistiċi’ bejn l-aħwa u d-diżgwid personali ta’ bejniethom u mal-mużiċisti oħrajn.

Intant, il-karattri żbukkati ta’ Noel u Liam iqanqlu l-istess livell ta’ interess daqs il-mużika ta’ Oasis u meta wieħed, issa, irid jara jekk tiżbroffax  ġlieda qalila oħra bejn l-aħwa – magħrufin bħala ‘The Wild Men of  Rock’ —  waqt il-Live ’25 Tour.

Il-media li tirrapporta dwar ix-xena mużikali jaqblu dan l-element ta’ sogru jkompli jżid l-appell ta’ Oasis…Intant, il-comeback ta’ Oasis qed jibda proprju dan il-lejl fil-Principality Stadium ta’ Cardiff, f’Wales,…Ftuh tas-siparju li għalih mistennija jattendu talanqas 70,000 ruħ.

Il-Live ’25 tour ta’ Oasis jinkludi 41 kunċert live, fosthom 19-il kunċert fir-Renju Unit u l-Irlanda….Dan meta l-grupp għandu wkoll l-impenji fl-Istati Uniti u l-Amerika t’Isfel; l-Asja u l-Awstralja – bl-aħħar kunċert ta’ Oasis isir f’Sao Paulo, fil-Brażil, fit-23 ta’ Novembru.

Il-grupp Oasis twaqqaf f’Manchester fl-1991 u bl-ewwel album ‘Definitely Maybe’, li ħareġ fl-1994, jikseb suċċess enormi fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku..Album li kien l-ispunt biex Oasis jikseb reputazzjoni bħala l-aħjar grupp tal-Britpop matul is-snin disgħin.

Fil-fatt, Oasis għandhom tmien albums li waslu sal-quċċata tal-Best Selling Albums fir-Renju Unit – u bis-singles tagħhom jinkludu l-famużi ‘Wonderwall’, ‘Roll With It’ u ‘Don’t Look Back In Anger’….Ilkoll ‘hits’ mill-album ‘(What’s The Story Morning Glory?’ li kien ħareġ kważi 30 sena ilu.

Il-grupp Oasis kien infired fl-2009 , b’Noel Gallagher jiddeċiedi biex  ma jiffurmax parti mill-kumpless wara ġlieda kbira ma’ ħuh wara l-kwinti ta’ festival li kien qed isir viċin Pariġi,…Sitwazzjoni li wasslet għal sensiela twila ta’ battibekki pubbliċi bejn l-aħwa li llum għandhom 58 u 52 sena.

Hu minnu wkoll li Noel u Gallagher kienu ilhom jirreżistu għall-pressjoni biex jgħaqqdu l-grupp mill-ġdid u fejn kienu offruti s-somom ta’flus fenomenali….Fil-fatt, kien lejn l-aħħar tas-sena l-oħra li huma deċidew dwar ir-Reunion Tour u fejn magħhom qed jingħaqdu l-kitarristi Paul ‘Bonehead’ Arthurs u Gem Archer – it-tnejn eks membri ta’ Oasis – Andy Bell fuq il-bass u Joey Waronker fuq  id-drums.