Enerġija Lokali

Jinqata’ d-dawl f’aktar lokalitajiet madwar Malta u Għawdex

Is-sajf reġa’ magħna, u s-saga tal-qtugħ tad-dawl matul il-jiem tas-sajf f’pajjiżna reġgħet bdiet.

Dan hekk kif l-ewwel jiem tas-sajf reġgħu kienu ddominati minn qtugħ tad-dawl f’numru ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Fl-aħħar jiem, il-lokalitajiet ta’ San Ġwann, San Ġiljan, in-Naxxar, u Ta’ Sannat esperjenzaw sigħat bla dawl fl-eqqel tas-sħana sajfija.

U din id-darba, kien imiss il-lokalitajiet tal-Belt Valletta u anke l-Furjana li dan illejl, u anke kmieni filgħodu esperjenzaw qtugħ ta’ dawl għal numru ta’ sigħat.

Intant, fl-aħħar snin, is-sajf kien iddominat minn qtugħ ta’ dawl estensiv fl-eqqel taż-żmien meta t-temperaturi jkunu esaġerati. Dan minħabba l-fatt li l-infrastruttura tad-distribuzzjoni tad-dawl ma bediex ilaħħaq mad-domanda tal-pajjiż, fejn saħanistra l-Ministru Miriam Dalli kellha tonfoq flus il-poplu fuq generators li tħallew wara l-bieb tan-nies.