Antoine Agius ta’ 42 sena u l-Libjan Ans Algheziwi ta’ 37 sena, inżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja li serqu minn żewġt iħwienet – żewġ każijiet li seħħew f’nofs din il-ġimgħa, f’anqas minn 12-il siegħa.
Apparti minn hekk, il-Libjan ġie akkużat li fl-1 ta’ Lulju seraq karozza minn Ħal Qormi flimkien ma’ xi flus u affarijiet oħra. Din il-karozza allegatament intużat miż-żewġ akkużati fiż-żewġ serqiet l-oħra; waħda minn Tas-Sliema u t-tieni waħda minn spiżerija f’San Ġwann.
Apparti minn hekk, huma wettqu wkoll serqa fuq xufier tal-cabs fl-Imġarr. Bil-prosekuzzjoni tgħid li ħadulu basket li kien fih mal-€500.
Mal-akkużi ta’ serq huma ġew mixlija li saqu mingħajr liċenzja, li kisru kundizzjoni tal-Qorti minn sentenzi preċedenti u li huma riċedivi. Agius kien mixli wkoll li żamm għandu affarijiet misruqa.
Fil-Qorti ġie żvelat illi Antoine Agius kien għadu kif ħareġ mill-Isptar Monte Carmeli u ma kellux saqaf fuq rasu.
Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest iżda talbet l-assistenza tal-ħabs biex iż-żewġ imputati jiġu eżaminati u jingħataw l-assistenza kollha meħtieġa.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Marina Calleja mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien ma’ Lydon Zammit u Keith Rizzo.
Yanica Barbara Sant dehret għall-akkużati.
//= $special ?>