Kultura Lokali

L-ewwel ċentinarju għall-Għaqda tan-Nar San Mikiel

Ir-raħal ta’ Ħal Lija qed ifakkar il-100 sena mit-twaqqif tal-Għaqda tan-Nar.

L-Għaqda tan-Nar San Mikiel ta’ Ħal Lija għaddiet minn diversi perjodi ta’ tranżizzjonijiet u bħala għaqda dejjem rat li tikber f’dik li hija arti piroteknika.

Il-presidenti u l-licencees li mexxew u qed imexxu din l-għaqda tan-nar, mill-bidu nett, jiġifieri minn żmien Salvatore Pirotta, Toni Camilleri, Salvu Sciberras, Ġużeppi Portelli, Karmnu Farrugia, Leli Farrugia u llum Brian Spiteri, dejjem għarfu jaraw x’inhu tajjeb għal din l-għaqda u ħadmu qatigħ biex jibnu struttura xierqa għall-Kamra tan-Nar San Mikiel.

Bħal kull għaqda oħra, mhux dejjem l-affarijiet kienu ward u żahar, u l-għaqda tan-nar għaddiet ukoll minn mumenti diffiċli u ta’ inċertezza, iżda b’determinazzjoni ta’ ħafna nies li hi mdawra l-għaqda tan-nar bihom, dejjem kien hemm ħidma għal ftehim u din il-kamra tan-nar setgħet tkompli bil-ħidma tagħha b’risq il-festa tas-Salvatur.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, l-akbar rispett għandu jmur għal dawk ta’ qabilna li ħallewlna minjiera ta’ informazzjoni u teknika.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar l-affarijiet jinbidlu. It-teorija u t-teknika dejjem jikbru u allura l-progress li sar f’din l-arti kiber b’rata enormi. Biex wasalna fejn wasalna llum, f’dawn il-100 sena kien hemm episodji ta’ glorja. Kien hemm ukoll inċidenti sfortunati u oħrajn ferm aktar sfortunati. Minn hawn insellmu lil dawk kollha li xi darba jew oħra kienu membri attivi fi ħdan din l-Għaqda.

Matul iż-żminijiet din l-Għaqda welldet u kabbret ismijiet kbar li għamlu isem kbir kemm lil Ħal Lija kif ukoll lil Malta.

Dawn stabbilixxew reputazzjoni għalihom infushom u għar-raħal tagħna u għadhom imfakkra u msemmijin bl-akbar għożża sal-lum.