Il-plejer li f’Settembru li ġej jagħlaq 34 sena, Yuri de Jesus Messias se jkun qed jerġa’ jilgħab għal Valletta, ħames staġuni wara li kien ħalla lil dan l-istess klabb.
L-attakkant Brażiljan, li kien ġie f’Malta għall-ewwel darba fl-istaġun 2013/14, aċċetta li jiffirma mal-Beltin u jibda t-tieni esperjenza tiegħu magħhom, wara li kien diġa’ lagħab ma’ Valletta fl-istaġun 2019/20. Dak in-nhar l-iskorer prolifiku, li f’Malta u anke f’Għawdex lagħab ma’ diversi klabbs, ma kienx temm l-istaġun kollu mal-Beltin, u kien waqaf jilgħab magħhom wara li kien lagħab sitt partiti fil-Kampjonat Premier.
F’dawn l-aħħar żewġ staġuni, Yuri kien suċċess kbir ma’ Marsaxlokk fejn lagħab magħhom f’63 partita, f’diversi kompetizzjonijiet inkluż dawk Ewropej, u skorja 29 gowl u serva 19-il assist. Wieħed jista’ jgħid li mat-tims kollha li kien magħhom f’Malta u f’Għawdex, l-esperjenza li Yuri kellu max-Xlukkajri kienet l-aqwa waħda għalkemm ma kienx ma’ Marxalokk l-aktar li skorja gowls.
Il-Brażiljan,meqjus bħala plejer versatili għaliex kapaċi jilgħab f’kull posizzjoni f’nofs il-grawnd u fl-attakk, kien qatta’ żewġ staġuni sbieħ ma’ Naxxar Lions, b’wieħed minnhom kien fiċ-Challenge League. Fl-istaġuni 2016/17 u 2017/18, Yuri kien lagħab ma’ Naxxar Lions, u f’49 partita skorja 32 gowl. Fl-istaġun li għamel jilgħab fiċ-Challenge League, fl-2016/17, Yuri kien wera l-potenzjal tiegħu, meta f’26 partita hu kien skorja 23 gowl.
Tul dawn is-snin kollha li għamel jilgħab f’Malta, sal-lum Yuri lagħab viċin il-130 partita fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti u skorja qrib is-60 gowl.
Matul dawn l-aħħar 12-il sena, mill-ewwel darba li ġie jilgħab f’Malta, dak in-nhar bħala plejer ta’ Mosta, kien hemm staġun minnhom fejn Yuri mar jilgħab fir-raba’ diviżjoni tal-Ġappun ma’ Tiamo Hirakata.
Mill-bqija apparti li lagħab ma’ Mosta, Valletta, Naxxar Lions u Marsaxlokk, f’Malta, Yuri lagħab ukoll ma’ Msida St. Joseph, Gudja United, Gżira United u f’Għawdex ma’ Nadur Youngsters.
Fl-istaġun li għadda, Yuri skorja 13-il gowl ma’ Marsaxlokk fil-Malta Premier, biex b’hekk temm fil-ħames post fil-klassifika tal-aqwa skorers. Sitta mil-gowls li skorja mill-ammont ta’ 13-il gowl, waslu minn penalties.
//= $special ?>