Il-qawwiet tar-Russja, fil-lejl tal-Ħamis, fetħu burraxka rekord bil-missili u d-drones li laqtu kważi kull distrett ta’ Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna…Dan b’riżultat ta’ għexieren tal-midruba u meta mhux eskluż li nqatlu aktar ċivili fost il-kroll tal-bini.
Il-mewġa ta’ madwar 600 drone u kwantità ta’ missili kienet ikkonfermata ftit sigħat wara telefonata bejn il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-President tar-Russja, Vladimir Putin…Telefonata li fiha, Trump informa lil Putin li kien ‘iddiżappuntat’ bil-fatt li l-Mexxej Russu ma għandux l-intenzjoni li jikkonkludi l-gwerra tal-Ukrajna li ilha minn Frar tal-2022.
Fil-fatt, il-Kremlin għamilha ċara li l-gwerra se tkompli għaddejja għaż-żmien kollu meħtieġ biex ir-Russja tilqa’ it-tragwardi militari kollha…..Dan minkejja li r-Russi tilfu diġà l-għexieren tal-eluf tas-suldati b’konsegwenza tal-konflitt.
Intant, l-aħħar attakki mill-ajru fuq l-Ukrajna laħqu rekord ġdid f’termini ta’ intensità u skont il-kelliema militari Ukreni. Dan meta madwar 100 fost id-drones sparati ippenetraw is-sistemi għad-difiża tal-Ukreni fil-madwar u ċ-ċentru ta’ Kiev.
Mhemmx dubju li r-Russi jridu jeqirdu l-moral tar-residenti fi Kiev b’mewġa wara l-oħra tal-attakki….Dan meta s-sireni għall-emerġenza damu jdoqqu għal aktar minn tmien sigħat fil-kapitali Ukrena, waqt li l-attakki bid-drones komplew jintensifikaw minn ħin għal ħin.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ma naqasx milli jikkundanna bla riservi l-aġir aggressiv ta’ Moska… Hu qal li l-burraxka fuq Kiev għandha titqies bħala l-aktar attakk sinifikanti u ċiniku tar-Russi fuq il-kapitali Ukrena fiż-żmien kollu li ilha għaddejja l-gwerra.
Zelensky innota wkoll li l-burraxka tal-attakki intensifikat kważi eżatt wara t-telefonata bejn Putin u Trump – bl-iżviluppi jkunu wkoll sinifikanti wara li Trump, ftit qabel assuma l-Presidenza ta’ pajjiżu, kien ftaħar li ‘seta’ jikkonkludi l-gwerra tal-Ukrajna f’anqas minn 48 siegħa’.
U għalkemm Trump qed jgħid li għandu relazzjonijiet tajbin ma’ Vladimir Putin, l-aħħar attakki rekord fuq l-Ukrajna qed jitqiesu ubħala sfida diretta minn Putin lill-Mexxej Amerikan li qed jittama li, ‘il quddiem, ikun rikonoxxut bil-Premju Nobel għall-Paċi.
Min-naħa tiegħu, Volodymyr Zelensky bagħat messaġġ fuq Telegram fejn insista li ‘ir-Russja qed turi bl-aktar mod ċar li ma tridx tmiem għall-gwerra’ – u fejn hu insista biex l-Alleati tal-Ukrajna, fosthom l-Istati Uniti, iżidu l-pressjoni fuq Moska permezz ta’ aktar sanzjonijiet.
L-ossevaturi, intant, jemmnu li l-iskala tal-attakki mill-ajru fuq l-Ukrajna mgħandhiex tonqos fi tmiem il-ġimgħa — u wara li l-assedju mill-ajru tar-Russja kompla jirranka minn jum għal jum u f’sitwazzjoni ta’ staġnar għat-taħditiet dwar waqfien mill-ġlied potenzjali.
Fl-aħħar ħinijiet, l-iskwadri għall-emerġenzi kienu qed jippruvaw jikkontrollaw in-nirien qalb iz-zoni ta’ Kiev fejn kienu niżlu l-akbar ammont ta’ drones.
Sar magħruf ukoll li l-iskejjel u l-infrastruttura tan-network tal-ferroviji wkoll ġarrbu l-ħsarat kbar, bit-toroq jispiċċaw mimlijin bil-karozzi meqruda. Dan waqt li l-Ministru Pollakk għall-Affarijiet Barranin, Radoslaw Sikorski, qal li l-konsultat tal-Polonja wkoll kien intlaqat minn drone waqt l-attakki tal-Ħamis bil-lejl.
Fl-istess ħin, ir-Russi anki konċentraw sensiela ta’ attakki ġodda fuq ir-reġjuni Ukreni ta’ Sumy, Kharkiv, Dnipropetrovsk u Chernihiv – bil-Ministeru tad-Difiża Russu jsostni l-azzjonijiet saru ‘bi tweġiba għall-azzjonijiet terroristiċi mill-Gvern ta’ Kiev’….Stqarrija xotta u mingħajr l-ebda dettalji jew spjegazzjoni ċara.
//= $special ?>