Lokali

“Liġi li tipproteġi lil uffiċjali korrotti”

L-Abbozz ta’ Liġi 137 li l-gvern għadu kemm ippubblika u li jrid jagħmel liġi qabel il-vaganzi tas-sajf, se jipproteġi lill-uffiċjali korrotti. Dan intqal mill-għaqda Repubblika fi stqarrija maħruġa llum.

Waqt li dan l-abbozz hu anqas gravi mit-theddida li kien għamel il-prim ministru li jiggarantixxi l-impunità lil uffiċjali li jwettqu reati kriminali, xorta dan l-Abbozz hu pass gravi lura fl-infrastruttura diġà dgħajfa ta’ pajjiżna biex niġġieldu l-korruzzjoni.

Din il-liġi tgħaffeġ id-drittijiet tal-vittmi tal-korruzzjoni u tipproteġi lil uffiċjali korrotti għax iżżarma l-effettività tal-Artiklu 1051A tal-Kodiċi Ċivili – wieħed mill-ftit għodda li għandhom il-vittmi tal-korruzzjoni llum biex ifittxu ġustizzja.

L-Abbozz 137 jaqleb il-konsegwenzi ta’ atti korrotti mwettqa minn uffiċjali pubbliċi, minn fuq dawk l-uffiċjali għal fuq l-Istat. Dan ifisser li uffiċjali pubbliċi li jwettqu atti ta’ korruzzjoni issa se jiskansaw il-konsewgenzi ċivili ta’ għemilhom sakemm dak l-għemil ma jkunx qabel ippruvat f’qorti kriminali li trid issibhom definittivament ħatja kriminalment.

Repubblika qalet li dan hu pass gravi u perikoluż lura. Il-liġi l-ġdida tibni ħajt bejn dawk li jabbużaw mill-poter u l-vittmi tagħhom. Tlibbes lil uffiċjali korrotti bl-armatura tal-Istat u tavża lill-vittmi tagħhom – individwi u negozji li jkunu sofrew danni reali minħabba l-korruzzjoni – li jistgħu jieħdu azzjoni biss kontra dawk li abbużaw il-poter biex jirkupraw mingħandhom dak li tellfuhom, jekk l-ewwel l-Istat iwettaq prosekuzzjoni u jġib kundanna.

L-Artiklu 1051A tal-Kodiċi Ċivili llum jagħti d-dritt lill-vittmi tal-korruzjoni li jfittxu kumpens mill-uffiċjali pubbliċi responsabbli għat-telf li sofrew minħabba l-korruzzjoni. L-Abbozz 137 ma jneħħix dan il-provvediment imma jispulpah u jżarma l-effettività tiegħu.

Fi kliem sempliċi, meta dan l-Abbozz il-ġdid isir liġi, il-vittmi tal-Korruzzjoni jkollhom bilfors ifittxu ‘l-Istat mhux lill-uffiċjali li wettqu l-korruzzjoni. Issa tispiċċa l-konsegwenza personali għall-korrotti sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni finali ta’ qorti kriminali. Awtomatikament se jispiċċaw miżuri kawtelatorji kontra dawn l-uffiċjali li anqas proviżorjament ma jistgħu jinżammewlhom il-flus li jkunu serqu bil-korruzzjoni.

Irid ikun ċar li dawn huma drittijiet li llum iċ-ċittadini għandhom skont il-liġi u l-gvern qed ineħħihulhom.

Dan l-Abbozz il-ġdid jibgħat il-messaġġ li l-kontabbiltà ċivili tgħodd għal kulħadd ħlief għall-uffiċjali korrotti. Iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jibqgħu ifittxu għad-danni uffiċjali korrotti ta’ azjenda privata pereżempju. Imma se jitneħħielhom id-dritt li jfittxu uffiċjal tal-gvern li jew hu korrott hu jew li ra l-korruzzjoni u għalaq ħalqu biex ippermettiha li ssir.

Ħlief jekk ikun hemm kundanna mill-qorti kriminali – li hi xi ħaġa li nafu kemm hi rari f’Malta f’każijiet ta’ korruzzjoni – l-uffiċjal korrott jitlaq ‘l hemm u jżomm li seraq.

Repubblikaa ma oġġezzjonatx li jkun hemm protezzjoni lil uffiċjali pubbliċi li jkunu għamlu żball ġewnin. Imma din il-liġi ma tagħmilx differenza bejn żbalji ġenwini u abbuż tal-poter. Fil-fatt temmen li l-gvern qed iżomm ostaġġ lill-uffiċjali ta’ kuxjenza li jixtiequ protezzjoni minn konsegwenzi personali f’każ li jagħmlu żball biex juża liġi li tipproteġihom biex jipproteġi lill-korrotti jew lil dawk l-uffiċjali li xjentement ma jagħmlu xejn biex iwaqqfu l-għemil korrott ta’ ħaddieħor.

Dan l-Abbozz ta’ Liġi jitratta bl-istess mod u mingħajr distinzjoni xi żball amministrattiv ċkejken u tixħim ta’ miljuni ta’ ewro. Fiż-żewġ ċirkostanzi l-uffiċjal hu protett, u jekk il-qorti ċivili ssib li ċ-ċittadini kienu vittmi tal-korruzzjoni, issa jħallsulhom il-kumpens iċ-ċittadini stess mit-taxxi tagħhom, mhux min seraqhom. Insiru issa doppjament vittmi tal-korruzzjoni, l-ewwel meta l-uffiċjal jisraqna, imbagħad biex inħallsu lura dak li jkun seraq.

B’din il-gverta biex tgħatti lill-uffiċjali korrotti u bil-ħtieġa li togħla l-piż tal-prova ta’ responsabbiltà ta’ korruzzjoni għal dak meħtieġ għal kundanna kriminali, il-gvern qed iżarma mil-liġi deterrent li għandna llum kontra l-abbuż tal-uffiċju pubbliku. Il-gvern qed jagħti inċentiv għall-impunità. Il-gvern qed jagħlaq trejqa li għandhom illum ċittadini u negozji Maltin li jkunu weġġgħu minħabba l-korruzzjoni.

Din ir-riforma hi ġerħa oħra fil-karriera tal-ħtif tal-Istat Malti u tal-korruzzjoni sistematika li nbatu minnha. Rajna x’jiġri meta uffiċċjali korrotti jaġixxu mingħajr biża’ ta’ xi konsegwenza. Din il-liġi ma twaqqafx il-korruzzjoni. Minflok, tiggarantixxi l-impunità għaliha. Ma tiddefendix lis-servizz pubbliku. Minflok, tipproteġi lil dawk li jittraduh.

Repubblika appellat li dan l-Abbozz jiġi emendat biex il-protezzjoni tal-Istat lill-uffiċjali pubbliċi teskludi każijiet ta’ korruzzjoni, abbuż tal-uffiċċju, u frodi. Tappella li jibqa’ mhux mimsus id-dritt li għandhom il-vittmi tal-korruzzjoni li jfittxu għad-danni lill-uffiċjali korrotti direttament mingħajr il-bżonn ta’ kundanna kriminali. Tappella wkoll li l-Parlament isaħħaħ, flok idgħajjef, il-provvedimenti tal-Kodiċi Ċivili li joffru aċċess għall-ġustizzja lil dawk imweġġa’ mill-abbuż tal-poter.

Ġustizzja posposta hi ġustizzja miċħuda. Dan l-Abbozz hu maħsub biex jipposponi u biex jiċħad il-kontabbiltà. M’għandux jgħaddi fil-forma li għandu llum.

Repubblika tenniet ukoll l-appell lill-awtoritajiet li qabel imorru l-Parlament biex f’radda salib jibdlu liġi biex ikomplu jħassru d-drittijiet li għandhom iċ-ċittadini, jikkonsultaw qabel mal-pubbliku u s-soċjetà ċivili u jirrikonoxxu d-dritt sagrosant f’demokrazija li dawk li jitteħdulhom id-drittijiet jitħallew jinstemgħu.