Niġerjan ta’ 53 sena ġie arrestat mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara li nqabad b’madwar kilo droga suspettata kokaina moħbija fl-istonku.
Huwa ġie arrestat wara li l-Pulizija, flimkien ma’ uffiċjali tad-Dwana u tas-Servizzi ta’ Detenzjoni, wettqu spezzjonijiet fuq passiġġieri li kienu għadhom kemm waslu fuq titjira minn Brussell, tard l-Erbgħa filgħaxija.
Waqt dawn l-ispezzjonijiet, passiġġier minnhom qajjem suspett mal-uffiċjali u għaldaqstant saru testijiet b’x-ray, fejn irriżulta li kellu moħbija numru konsiderevoli ta’ kapsoli.
Għaldaqstant, ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn irriżulta li kien bela’ madwar 100 kapsola bi droga suspettata kokaina ta’ purita għolja, b’valur fit-triq ta’ madwar €300,000.
Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat għal aktar investigazzjonijiet, waqt li mistenni jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tas-1pm quddiem il-Maġistrat Monica Vella.
//= $special ?>