Opinjoni

OPINJONI: Sussidji li jitħallsu mit-taxxi tagħna u minn iktar dejn

Grafika tal-Eurostat li turi l-konsum tal-enerġija fl-2023 fis-settur residenzjali tal-pajjiżi membri tal-UE. Skont l-istess rapport tal-Eurostat, l-Olanda (62.32%); l-Italja (46.70%); l-Ungerija (46.43%) u l-Lussemburgu (45.29%) kienu jiddependu għal iktar minn 45% tal-ħtiġiet tagħhom fuq il-gass; Malta (75.42%); il-Bulgarija (51.73%) u l-Iżvezja (48.24%) iddependew l-iktar fuq l-elettriku. Il-Kroazja (44.90%); il-Latvija (40.57%); is-Slovenja (40.01%) u l-Estonja (39.45%) jużaw l-aktar enerġija rinnovabbli u ‘biofuels’.
Kemm għadu jiswa s-sussidju fuq l-elettriku? Kien hemm żmien li sewa 600 miljun ewro f’sena. U mbagħad beda nieżel mal-prezz taż-żejt biex is-sena l-oħra niżel għal madwar 150 miljun ewro. Fl-2023 is-sussidji, li jinkludu elettriku, żjut u xi prodotti tal-ikel, kien leħaq 1.4 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross; fl-2023 1.2 fil-mija u fl-2024 0.9 fil-mija. Din is-sena huwa stmat li jkompli jinżel għal 0.7 fil-mija. Billi s-sussidju mhux biss fuq ż-żejt tajjeb inkunu nafu eżatt kemm dan qed jiswa. F’dawn il-jiem il-Eurostat ippubblika wkoll ċifri ta’ kemm kull pajjiż tal-UE u ta’ pajjiżi oħra Ewropej jikkonsmaw elettriku fir-residenzi. Elettriku biex tissaħħan u titkessaħ id-dar biex jissaħħan l-ilma fid-dar u għat-tisjir (ara tabella). Jirriżulta li apparti li biex jissaħħan l-ilma aħna nikkunsmaw ħafna iktar elettriku f’kull ħaġa oħra li għandha x’taqsam mas-settur residenzjali.

minn Joe M. Zahra

Il-Gvern Laburista lejn l-aħħar tal-2023 ingħata deroga temporanja mil-liġi Ewropea biex jiffriża l-prezz tal-elettriku. Deroga li tintemm fil-5 ta’ Lulju 2027. Fl-2023 iż-żejt mhux maħdum kien $77.28 il-barmil. Il-Gvern Laburista kien qed jistma li ż-żejt kien se jogħla sa $100 il-barmil. Għalhekk beda jissussidjah, iżda ż-żejt ma baqgħax jogħla anzi l-prezz beda nieżel. Għal €73.23 il-barmil fl-2024 u għal medja ta’ $72 il-barmil tul dis-sena.

L-ogħla prezz taż-żejt fl-istorja kien fit-3 ta’ Lulju 2008 meta laħaq €145.85 il-barmil. Li kieku ninkludu fil-prezz ir-rata tal-inflazzjoni l-prezz ikompli jitla’ qrib id-doppju. Dak iż-żmien il-Gvern Nazzjonalista kellu jintroduċi ‘surcharge’ fuq il-kontijiet tal-elettriku.

Filwaqt li l-Laburisti jħobbu jfakkruna f’din is-‘surcharge’ nemmen li kieku ma saritx kienet tfalli l-kaxxa ta’ Malta, ma jgħidulniex li bejn l-1996 u l-1998 il-Gvern Laburista ta’ Alfred Sant irreveda ’l fuq it-tariffi tal-elettriku bħala parti minn programm ta’ awsterità!

F’Diċembru 1997, il-prezz ta’ barmil żejt Brent, l-ogħla fis-suq, kien $17.18 il-barmil. Matul dik is-sena l-prezz niżel b’27.75%. Minkejja prezzijiet hekk baxxi l-Gvern Laburista rreveda l-prezzijiet ’il fuq. Mur ġibhom kieku l-prezz kien €145.85 il-barmil x’kienu jagħmlu!

Tajjeb infakkruhom ukoll li fi żmien il-Gvern ta’ Mintoff meta għola ż-żejt minħabba l-gwerra ta’ Iżrael mal-pajjiżi Għarab ġirien, il-prezzijiet ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam maż-żejt għolew mhux bi ftit ċenteżmi iżda bit-tripplu u iżjed. Lanqas f’din ma jiftakru l-Mexxejja Laburisti tal-lum!

L-irħis jiġi bi prezz għoli

F’dawn il-jiem ġie f’idejja artiklu ta’ Andreas Procopiou li kiteb fis-Cyprus Mail bit-titlu Malta’s lauded ‘cheap electricity’ comes at  high price. Artiklu informattiv ħafna li fakkarna fid-deroga temporanja li ngħata pajjiżna għal sussidju fuq l-elettriku u l-prezz tal-‘petrol’ u d-‘diesel’. Deroga fejn is-sussidju jintemm fil-5 ta’ Lulju 2027.

F’din il-kitba, Procopiou semma l-2023 Malta Country Report maħruġ mill-Fond Monetarju Internazzjonali li tenna li l-politika tal-Gvern Malti dwar l-enerġija tgħawweġ is-sinjali li jkun qed jagħti s-suq, tinkoraġixxi l-ħela, tbiegħed l-investiment f’teknoloġija ħadra u tostakola l-iżvilupp sostenibbli. Il-Fond Monetarju Internazzjonali sejjaħ bl-aktar mod ċar għat-tneħħija universali fuq sussidji għall-enerġija.

Kiteb ukoll li aktar espliċitu kien il-Malta Fiscal Advisory Council (MFAC) li ħeġġeġ lill-Gvern biex jittraċċa strateġija biex joħroġ mis-sussidju. Wissa li s-sussidji joħolqu piżijiet maġġuri baġitarji, jiskoraġixxu l-effiċjenza u jmorru kontra il-miri ambjentali ta’ Malta.

F’dawn l-aħħar jiem l-MFAC wissa lil-Gvern biex jikkontrolla n-nefqa wara li ssuppera l-istimi tal-baġit tal-2024. Dan wara li ħabbar li n-nefqa primarja fl-2024 żdiedet b’14.3 fil-mija, kważi d-doppju tal-mira fil-Pjan Strutturali Fiskali tat-Terminu Medju ta’ Malta. In-nefqa aktar hija ekwivalenti għal 2.2 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross.

Għal min is-sussidji

Is-sussidji jekk jingħataw lil min verament għandu bżonnhom huma tajbin. Iżda m’għandhomx jingħataw lil kulħadd l-istess. Għaliex persuna li għandha jott jew xi ‘cabin cruiser’ jew xi karozza lussuża li trid pompa tal-petrol magħha għandha jkollha l-‘petrol’ u d-‘diesel’ sussidjat?

Dawn jekk kellhom l-għexieren ta’ eluf biex jixtru dan il-lussu għandu jkollhom il-flus biex iżommuhom u mhux jiġu megħjuna mill-Gvern mill-flus tat-taxxi. Is-sussidji m’għanhomx jingħataw b’mod indiskriminat iżda lil min veru jeħtieġhom.

Sussidji ġenerali jinkontradixxu l-isforzi li suppost qed nagħmlu biex nimbuttaw għal sorsi ta’ enerġija sostenibbli. Dan joħroġ ċar anki miċ-ċifri li ħarġu mill-istudju tal-Eurostat li semmejt iktar ’il fuq li juru li pajjiżna b’75.4 fil-mija huwa l-iktar pajjiż tal-UE fejn  is-settur residenzjali jistrieħ għall-ħtiġiet tiegħu fuq l-elettriku!

Is-sussidji, kif tenna Procopiou, u kif ilna ngħidu aħna, ma jitħallsux mill-ajru. Jitħallsu mit-taxxi tagħna u mid-dejn bl-addoċċ li qed jagħmel il-Gvern. Li wkoll irid jitħallas mill-poplu, fil-preżent u fil-futur. U dan jitħallas mhux bil-persentaġġi kif iridu jbellgħu lill-poplu iżda ewro fuq ewro.

Is-sussidji jridu jintemmu sentejn oħra. Wara elezzjoni ġenerali oħra. Jista’ jkun li l-Gvern Laburista qed jirraġuna li dakinhar ma jkunx hemm hu u bħal ħafna problemi oħrajn jirithom min jiġi warajh. Jekk dan huwa r-raġġunar allura ma narawx serjetà iżda aktar popoliżmu.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 4 ta’ Lulju, 2025.