Futbol Sport

FILMAT | Plejer internazzjonali li jilgħab mas-Sierra Leone, viċin li jiffirma ma’ Żabbar St Patrick

Abu Dumbuya
Abu Dumbuya

Il-kampanja akkwisti ta’ Żabbar St Patrick qed tkompli tkun waħda interessanti u maħsuba b’akkwisti ta’ plejers lokali u barranin li qed jaghtu dimensjoni differenti lit-tim taħt it-tmexxija tal-kowċ Taljan, Aniello Parisi.

Hu fatt li b’Parisi fit-tmexxija ta’ Żabbar St Patrick, minn Ottubru tal-istaġun li għadda, id-dehra u l-istil tattiku li jilgħab biħ dan it-tim ħadet xejra oħra, u għall-aħjar tant li rrnexxilhom isalvaw posthom fil-Malta Premier mar-ritorn tagħhom f’dan il-Kampjonat. Minn dak li rajna s’issa, u l-akkwisti li diġa’ saru minn Żabbar St Patrick f’din it-tieqa tal-kampanja akkwisti tas-sajf, jidher li l-mira ta’ Parisi hi li jgholli l-livell tal-iskwadra għal stadju ieħor.

Skont storja esklussiva li qed tiżvela llum l-paġna ta’ Replay fuq il-midja soċjali, iż-Żabbarin jinsabu f’diskussjonijiet avvanzati biex jakkwistaw lill-midfielder internazzjonali tas-Sierra Leone, Abu Dumbuya. Il-plejer ta’ 26 sena kien qed jilgħab l-aħħar ma’ Oulu, fil- Veikkausliiga, li hu l-Kampjonat tal-ogħla livell fil-Finlandja.

Dumbuya lagħab diġa’ 18-il darba mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu, is-Sierra Leone u skorja gowl wieħed.

Is-Sierra Leone hu pajjiż li jifforma parti mill-Konfederazzjoni Afrikana, u attwalment jinsabu t-tielet f’Grupp A, għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Dan ifisser li t-tim nazzjonali ta’ Dumbuya, dak li mistenni jkun l-akkwist il-ġdid ta’ Żabbar St Patrick, għadhom biċ-ċans li jistgħu jiksbu kwalifikazzjoni storika għat-Tazza tad-Dinja li jmiss tas-sena d-dieħla.

Skont dak li qed ikun irrapurtat minn Replay, hu imminenti li Żabbar St Patrick iħabbru l-akkwist tal-midfielder Afrikan, li kemm il-darba jkun konfermat, għandu jagħti l-valiur miżjud lit-tim ta’ Parisi.