Futbol Sport

“Qatt ma ħsibt li se jkun hemm xi ħaġa li se tbeżżagħni li nerġa’ immur Liverpool,” jgħid Mohamed Salah wara l-mewt ta’ Diogo Jota

Mohamed Salah flimkien ma' Diogo Jota
Mohamed Salah flimkien ma' Diogo Jota

L-għada tal-aħbar traġika li ħasdet id-dinja tal-futbol, dik tal-mewt ta’ Diogo Jota u ħuħ André, f’inċident tat-traffiku fi Spanja, komplew joħorġu aktar reazzjonijiet minn dawk li kienu jafuħ mill-qrib, inkluż kollegi fit-tim ta’ Liverpool. Illum tkellem l-istilla ta’ Liverpool, l-Eġizzjan Mohamed Salah li qal li se “jkun tassew diffiċli biex taċċetta” l-mewt tal-plejer tal-internazzjonali Portugiz.

“Sal-bieraħ, qatt ma ħsibt li se jkun hemm xi ħaġa li se tbeżżagħni li nerġa’ immur Liverpool wara l-waqfa qabel il-bidu ta; staġun ġdid. Il-kollegi f’tim tal-futbol jiġu u jmorru imma mhux hekk,” qal bl-akbar sinċeritá Salah.

Il-plejer li fl-istaġun li għadu kemm intemm kien determinant fis-suċċess miksub minn Liverpool, bir-rebħ tal-20 Kampjonat fl-Ingilterra, qal li fil-mument jinsab bla kliem. “Se jkun diffiċli immens li naċċettaw li Diogo mhux se jkun hemm magġna, meta mmorru lura biex nibdew staġun ġdid.”

Salah kompla jgħid, li l-ħsibijiet tiegħu f’dan il-mument tant diffiċli “huma ma’ martu, uliedu, u naturalment mal-ġenituri tiegħu li f’daqqa waħda tilfu lil uliedhom. Dawk qrib Diogo u ħuh Andre għandhom bżonn l – appoġġ kollu li jistgħu jiksbu. M’huma se jintesew qatt.”

L-aħbar tal-mewt ta’ Diogo Jota u ħuħ, ħasdet lil kulħadd, u appenna kienet uffiċjali l-aħbar li l-plejer ta’ 28 sena tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku, ma waqfux ir-reazzjonijiet ta’ dawk involuti fil-futbol internazzjonali, iżda mhux biss, li tkelmu biex iselmu b’rispett lill-eks plejer ta’ Atletico Madrid, Porto, Wolverhampton Wanderers u issa Liverpool.