Internazzjonali

AĠĠORNATA: Għargħar f’Texas iħalli mill-inqas 24 persuna mejta

Fl-istat ta’ Texas għaddejja operazzjoni estensiva ta’ tfittxija u salvataġġ wara li għargħar qawwi u bla mistenni ħalla ħerba – partikolarment f’Kerr County, li tinsab madwar saghtejn boghod minn San Antonio.

Is-Sibt filgħodu bdew deħlin rapporti li mill-inqas 24 persuna tilfu ħajjithom, u għadd ta’ persuni kienu rapurtati neqsin.

Ftit kienu dawk illi bassru l-impatt ta’ dan l-għargħar hekk kif l-ilma fix-xmara Guadalupe tela’ b’26 pied f’anqas minn siegħa, b’riżultat li dan l-għargħar kisser mobile homes, vetturi, u stabbilimenti turistiċi. Dan kollu, waqt li bosta Amerikani kienu għadhom qegħdin jiċċelebraw l-festa tal-Indipendenza.

Kelliema għall-Istat ta’ Texas qalu li ma kien hemm ebda twissija għal dan il-maltemp. U dak li ġara kien aktar devastanti mill-għargħar traġiku li seħħ fl-1987, li kien ħalla 10 żgħażagħ mejta wara li xarabank kienet involuta f’inċident.

Intant, is-salvataġġ intensiv f’Kerr County seħħ matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt – bl-awtoritajiet jgħidu li hemm numru ta’ tfal li għadhom ma nstabux. Dawn it-tfal kienu qegħdin jattendu summer camp, organizzat apposta għalihom.

Texas iddikjara stat ta’ emerġenza hekk kif l-effetti ta’ dan l-għargħar ħalla ħsarat f’bosta toroq, u anka linji tal-telefon, li bħalissa mhumiex qegħdin jaħdmu sew.

Intant, il-President tal-Istat Uniti Donald Trump sejjaħ din it-traġedja bħala waħda xokkanti u terribli, b’Washington mistenni jipprovdi l-għajnuna neċessarja għall-impatt ta’ din it-traġedja.

L-awtoritajiet f’Texas appellaw lill-pubbliku sabiex jevitaw iż-żoni milquta minn dan l-għargħar.