Lokali

Aktar minn 900 pazjent f’sena rrikorrew għas-servizzi ta’ Hospice Malta

Diskussjonijiet avvanzati dwar servizz ġdid għall-pubbliku aktar tard din is-sena

Matul is-sena l-oħra, total ta’ 917-il pazjent ġdid irrikorrew għas-servizzi ta’ Hospice Malta li jwasslu l-aqwa kwalità ta’ servizz possibbli lil dawk fil-bżonn.

Il-kura paljattiva li tingħata mill-Hospice dejjem qed tiżdied u t-talba wkoll qed tiżdied dejjem aktar. Hospice Malta qiegħda f’diskussjonijiet avvanzati dwar servizz li se jinfetaħ għall-pubbliku aktar tard din is-sena biex jibda jopera s-servizz ta’ In-Patient Unit (IPU).

Sadanittant, l-għajnuna hemm bżonn li tkompli tiżvolġi u tikber biex tassew Hospice Malta tilħaq aktar persuni u familji meta jkollhom bżonn. Għalhekk qed issir il-maratona fuq bażi annwali. Il-Maratona ta’ Ġbir ta’ Fondi li se ssir għada l-Ħadd hi kruċjali biex Hospice Malta tkompli toffri s-servizzi tagħha b’xejn.

Il-fondi miġbura jintużaw direttament fis-servizzi li jingħataw lill-pazjenti u lill-familjari tal-pazjenti li jibbenefikaw ukoll mill-kura olistika, li tinkludi wkoll mhux biss dik medika iżda wkoll appoġġ u għajnuna lill-qraba u familjari.

Din hi l-intervista sħiħa li saret ma’ Hospice Malta lejlet din il-maratona annwali.

Kif beda u nħoloq il-Moviment Hospice li llum kiber tant?

Hospice Malta (VO/0062) twaqqfet fl-1989 minn grupp ta’ voluntiera wara li ngħaraf il-bżonn għal servizz ta’ kura paljattiva li joffri appoġġ komprensiv lil pazjenti b’mard serju u lill-familji tagħhom. Tul is-snin, Hospice Malta kompliet tikber u tiżviluppa biex illum il-ġurnata saret organizzazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kura paljattiva. Wara snin ta’ ħidma u investiment, b’appoġġ qawwi mill-Knisja u anki mill-Istat, f’Jannar tal-2025 ġie inawgurat St Michael Hospice, kumpless modern f’Santa Venera li joffri kura paljattiva speċjalizzata u multidixxiplinari f’binja mdawra b’ġonna, b’total ta’ madwar 15,000 metru kwadru. Din il-faċilità qiegħda sservi ta’ bażi minn fejn Hospice qed tipprovdi servizzi ta’ kura paljattiva għal aktar minn 1,500 pazjent fis-sena u se tkun qed tinkludi servizzi ġodda ta’ in-patient care, apparti s-servizzi li diġà qegħdin jiġu offruti ta’ matul il-jum, servizzi fil-komunità minn tim sħiħ professjonali, kif ukoll spazji edukattivi.

Kif inħasset il-ħtieġa ta’ kura paljattiva professjonali?

Il-ħtieġa ħarġet mill-esperjenza diretta ta’ pazjenti u l-familjari tagħhom li spiss kienu jispiċċaw mingħajr sapport adegwat fi żmien daqshekk sensittiv tal-ħajja. Ġie identifikat li l-kura paljattiva mhix biss medika, iżda tinkludi wkoll aspetti emozzjonali, soċjali u spiritwali.

Hospice Malta bdiet toffri servizz multidixxiplinari li jinkludi, fost oħrajn, tobba, infermiera, fiżjoterapisti, care assistants, social workers, psikoloġi, complementary therapists u diretturi spiritwali – kollha b’għan wieħed: li jwasslu l-aqwa kwalità ta’ servizz possibbli lil dawk fil-bżonn.

Il-bini l-ġdid minn fejn qed jopera llum il-Hospice, kif qed jgħin fil-kura paljattiva?

Hospice Malta ttrasferiet l-operat tagħha minn Ħal Balzan għal St Michael Hospice, St Venera, fl-aħħar tas-sena 2024. Dan il-kumpless hu ċ-ċentru speċjalizzat għall-kura paljattiva. Dan il-bini modern u mifrux fuq żewġ sulari jippermetti lill-Hospice tespandi s-servizzi tagħha u tilqa’ numru akbar ta’ pazjenti.

Il-ftuħ ta’ St Michael ifisser titjib fil-kura paljattiva f’Malta permezz tas-servizzi komunitarji estiżi, faċilitajiet imtejba għal terapija ta’ matul il-jum u servizz ġdid li jipprovdi kura in-patient li mistenni jibda iktar tard din is-sena, kif ukoll faċilitajiet edukattivi biex jinħoloq iktar għarfien dwar il-kura paljattiva. Barra minn hekk, il-faċilitajiet joffru ambjent trankwill, maħsub apposta biex titwassal kumdità, serenità u dinjità lill-pazjenti.

X’tip ta’ għajnuna qed tingħata bħalissa u kif qed tippjana li tkompli tiġi estiża?

Kull pazjent u l-familja tiegħu fil-komunità jirċievu pakkett individwali ta’ għajnuna skont il-bżonn. Din tingħata permezz ta’ professjonisti fid-dar jew fil-post fejn qed jgħix il-pazjent.

Din l-għajnuna tinkludi żjarat u interventi minn infermiera, tobba, ħaddiema soċjali, fiżjoterapisti, complimentary therapist u chaplain. Il-familja tibbenefika wkoll minn assistenza ta’ carers u tagħmir mediku li jgħin biex itaffi l-piż tal-pazjent minn fuq min qed jieħu ħsiebu/ha. Hemm ukoll ċentru ta’ terapija ta’ matul il-jum (Day Therapy), fejn il-pazjent jista’ jattendi biex jinteraġixxi soċjalment u b’mod terapewtiku.

Din l-għajnuna hemm bżonn li tkompli tiżvolġi u tikber biex tassew nilħqu aktar nies meta jkollhom bżonn. Jeħtieġu aktar riżorsi umani u finanzjarji, kif ukoll edukazzjoni, biex niżguraw li l-pazjent ikun komdu, mingħajr uġigħ jew sintomi oħra, ma jħossux ta’ piż fuq il-familja u ma jkunx iżolat. B’dan il-mod inkunu qegħdin noffru l-ogħla livell ta’ għajnuna possibbli.

X’jonqos li jitlesta f’dan il-bini ġdid, u xi proġetti oħra hemm ippjanati min-naħa tagħkom?

Bħalissa għaddej ix-xogħol biex jibda jopera s-servizz ta’ In-Patient Unit (IPU), jiġifieri spazju dedikat għall-pazjenti li jkunu fil-fażi avvanzata tal-mard u li, minħabba ċerti raġunijiet, ma jistgħux jibqgħu jingħataw l-għajnuna fid-dar.

L-IPU se tkun mgħammra bi kmamar għal ’short term stays’, li se jkunu offruti fuq kriterji stabbiliti lil dawk il-pazjenti li jkollhom bżonn kontroll aħjar tas-sintomi mediċi, għall-pazjenti li jkunu waslu fl-aħħar stadju tal-ħajja, kif ukoll għal dawk fejn il-familjari tal-pazjent tkun teħtiġilhom waqfa temporanja.

L-IPU se joffri ambjent seren u appoġġ kontinwu minn tim multidixxiplinari li jinkludi tobba, infermiera u professjonisti oħra. Kull pjan se jkun personalizzat, bażat fuq il-kundizzjoni medika tal-persuna u ċ-ċirkustanzi tagħha.

Il-kmamar tal-pazjenti ġew disinjati biex jipprovdu kumdità, privatezza u dinjità, b’aċċess għal tagħmir mediku speċjalizzat u spazju għall-qraba biex joqogħdu magħhom, anke matul il-lejl jekk ikun hemm bżonn. B’hekk il-familjari tal-pazjent ikunu jistgħu jibqgħu viċin tal-pazjent anke f’dawn il-mumenti diffiċli.

Il-familji jingħataw ukoll sapport b’mod attiv, kemm waqt li l-pazjent ikun fl-IPU kif ukoll wara, bis-servizz ta’ faraġ.

Il-pjan hu li dan is-servizz jinfetaħ għall-pubbliku aktar tard din is-sena, b’appoġġ finanzjarju kif ukoll appoġġ ta’ riżorsi umani mill-Minsteru tas-Saħħa. Hospice Malta qiegħda f’diskussjonijiet avvanzati dwar dan mal-Ministeru. Hospice se tkun qed tkompli toffri l-aqwa servizz lill-pazjenti u dan iseħħ ukoll permezz ta’ investiment kontinwu fit-taħriġ professjonali u l-aħjar użu tat-teknoloġija.

Kemm hi importanti maratona ta’ ġbir ta’ fondi?

Il-Maratona ta’ Ġbir ta’ Fondi li se ssir għada hi kruċjali biex Hospice Malta tkompli toffri s-servizzi tagħha b’xejn għall-pazjenti u l-familjari Maltin u Għawdxin kollha. Il-manteniment ta’ St Michael Hospice, flimkien ma’ tim ta’ professjonisti, jirrikjedi spejjeż sinifikanti. Il-fondi miġbura jintużaw direttament fis-servizzi li jingħataw lill-pazjenti. Kull donazzjoni, kbira jew żgħira, tagħmel differenza reali fil-ħajja ta’ ħafna familji Maltin u Għawdxin.

Ta’ min jinnota li ta’ kull sena n-numru ta’ persuni u familji li qed ifittxu l-għajnuna ta’ Hospice Malta dejjem qed jikber u dan qed iwassal għal żieda ikbar fl-ispejjeż biex dawn il-pazjenti u l-familji tagħhom jingħataw l-għajnuna minn Hospice Malta. Is-sena l-oħra, total ta’ 917-il pazjent ġdid irrikorrew għas-servizzi ta’ Hospice Malta.

X’inhi l-għajnuna tal-Knisja u tal-Istat fis-servizz li qed tagħti l-Hospice? Kif evolviet?

Hospice Malta bbenefikat minn għajnuna mill-Arċidjoċesi, li emmnet mill-ewwel fil-ħidma ta’ Hospice Malta. Fl-2016, matul is-Sena tal-Ħniena, l-Arċidjoċesi ta’ Malta identifikat il-kura paljattiva bħala ħidma konkreta ta’ ħniena u għażlet lil Hospice Malta bħala l-partner naturali tagħha f’dan il-qasam.

Fl-2018, l-Arċidjoċesi għaddiet l-Istitut Adelaide Cini f’Santa Venera lil Hospice Malta fuq ftehim ta’ komodat, biex jinbidel fiċ-ċentru nazzjonali tal-kura paljattiva – illum magħruf bħala St Michael Hospice. Matul is-snin, il-proġett seta’ jseħħ grazzi għall-appoġġ tal-Knisja, il-Gvern, il-NDSF, fondi Ewropej, Project Green, banek, fondazzjonijiet, negozji u benefatturi individwali.

Hospice Malta hi grata ħafna wkoll għall-Minsteru tas-Saħħa u Anzjanità Attiva kif ukoll il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal li flimkien isostnu parzjalment partijiet differenti tal-operat. Dan minbarra s-sostenn ta’ numru ta’ kumpaniji, fondazzjonijiet u għaqdiet oħra kif ukoll il-pubbliku inġenerali, kif ukoll inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi, bħall-maratona annwali, li kollha flimkien jgħinu biex is-servizz ikun offrut bla ħlas lil kull pazjent u l-familjari tiegħu jew tagħha.

X’inhi l-fehma u l-ħsibijiet tal-Hospice dwar id-diskussjoni li għaddejja bħalissa dwar l-ewtanasja?

Hospice Malta tirrikonoxxi li s-suġġett tal-ewtanasja hu wieħed delikat u emozzjonali li jqanqal diskussjoni f’livelli individwali, soċjali u komunitarji. F’dan il-kuntest, Hospice Malta qed tiffoka b’mod ċar fuq il-missjoni tagħha: il-kura paljattiva komprensiva u s-sapport lil dawk fil-bżonn, filwaqt li tippromwovi investiment akbar f’servizzi li jipproteġu l-ħajja u jħarsu d-dinjità tal-bniedem.

L-esperjenza ta’ 36 sena turi li meta pazjenti u l-familji tagħhom jirċievu l-għajnuna u s-sapport xieraq, li jgħin mhux biss kontra l-uġigħ fiżiku iżda wkoll f’diffikultajiet emozzjonali, spiritwali u soċjali, ma jkunx hemm il-bżonn għal soluzzjonijiet oħra. Għaldaqstant, Hospice Malta tappella li l-prijorità għandha tkun f’aktar investiment fil-kura paljattiva 24/7, għal aċċess akbar għall-mediċini fil-komunità, u aktar għarfien dwar il-pjan ta’ kura avvanzata, biex kull persuna tgħix sal-aħħar b’dinjità.

Hospice Malta temmen li r-rispons etiku u uman lejn it-tbatija għandu jkun wieħed ta’ sapport professjonali, sostenn u ta’ ħarsien, b’dinjità. Ir-rispons għandu jkun dak ta’ kura paljattiva komprensiva lill-pazjenti u l-familjari tagħhom. It-twettiq tal-istrateġija tal-kura paljattiva li ġiet imnedija ftit tax-xhur ilu, huwa importanti ħafna u għandu jkun l-ogħla priorità.

Kemm hu importanti l-appoġġ li jagħti l-Hospice lill-familjari ta’ persuni lejn l-aħħar ta’ ħajjithom?

Hospice Malta tagħraf li mard terminali jolqot mhux biss lill-pazjent iżda wkoll lill-familja kollha. Għalhekk il-Hospice toffri servizzi emozzjonali, psikologiċi, socjali u spiritwali kif ukoll tagħrif u anke programm ta’ faraġ individwali kif ukoll fi gruppi. Il-familjari jingħataw l-opportunità li jitkellmu, jifhmu u jieħdu ħsieb lilhom infushom f’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ stress kbir. Dan l-appoġġ hu element essenzjali fil-missjoni ta’ Hospice biex tkun ta’ veru sostenn u hu wkoll milqugħ tajjeb ħafna minn dawk li jirċevuh.

Kemm u kif il-Hospice tagħti dinjità lill-pazjenti f’dawn iż-żminijiet diffiċli?

Il-kunċett ta’ dinjità jinsab fil-qalba tas-servizz ta’ Hospice Malta. Dan jinkiseb permezz ta’ approċċ individwalizzat, fejn kull pazjent jiġi trattat bi professjonalità, kif ukoll b’rispett u mħabba. Hospice timxi pass pass mal-pazjent u tindirizza b’mod olistiku flimkien miegħu/magħha d-diffikultajiet li jkunu għaddejjin minnhom f’dak il-mument bl-aktar mod professjonali u b’kumpassjoni, imdawrin mal-għeżież tagħhom.

Il-kura tinkludi wkoll l-immaniġġjar tal-uġigħ u sintomi fiżiċi oħra, sintomi emozzjonali, psikoloġiċi u spiritwali – li kollha jgħinu biex il-persuna tgħix bl-aħjar kwalità possibbli, sal-aħħar.

Xinhu l-messaġġ ta’ Hospice Malta għal min għaddej minn xi esperjenza ta’ kura paljattiva u lill-familjari?

Il-messaġġ tagħna hu wieħed ta’ sapport, rispett u dinjità. Lil min hu marid, inwasslulhom l-assigurazzjoni tagħna li mhumiex waħedhom – li hemm tim ta’ nies li se jakkumpanjahom f’din il-mixja b’dinjità u rispett. Lill-familjari ngħidulhom li l-għajnuna teżisti, u li jistgħu jistrieħu fuq Hospice Malta għal sapport professjonali u kontinwu. Inħeġġuhom biex jersqu lejn Hospice  u jfittxu l-għajnuna u li huma wkoll għandhom bżonn jiġu appoġġjati f’dawn il-mumenti diffiċli.

Għal aktar informazzjoni u biex tagħti donazzjoni, żur www.hospicemalta.org.

Din l-intervista dehret f’In-Nazzjon tas-Sibt 5 ta’ Lulju.