Qorti

Arrestat talli xeħet sigarett mixgħul f’wiċċ ommu

Sean Grima, li għandu 40 sena u li m’għandux xogħol, inżamm arrestat wara li allegatament xeħet sigarett mixgħul f’wiċċ ommu.

Fil-Qorti ħareġ li Grima għandu l-problema tad-droga u kien jitlob lill-ommu l-flus biex imantni l-vizzju. Il-każ seħħ meta darba fost l-oħrajn ommu, li hi anzjana, ma tatux u sar aggressiv. Tant, li spiċċa xeħet sigarett mixgħul lejha u laqatha f’wiċċha.

Ir-raġel li jgħix f’Birżebbuġa, tressaq il-Qorti mixli li hedded lil ommu, li taha fastidju, li kkawżala biża li se tintuża vjolenza kontriha, li nsulentaha u li xeħet affarjiet lejha. Barra minn hekk Grima kien akkużat li kien riċediv. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

L-ispettur tal-pulizija Antonello Magri spjega kif omm l-akkużat ma setgħetx tissaporti aktar u nhar is-27 ta’ Ġunju, kienet marret tirrappurtah.

Min-naħa tagħha l-omm qalet li dawn l-argumenti kienu spissi u li hi kienet tibża minn binha.

Id-difiża, immexxija mill-avukat tal-għajnuna legali Ingrid Zammit Young, ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, madanakollu l-Maġistrat Monica Vella ordnat li hu jinżamm arrestat.