Sport Waterpolo

Dino Zammit irebbaħ lil Sliema lejn it-tmiem… rebħa missielta għal San Ġiljan u faċli għal Marsaxlokk

Stewart Said

NEPTUNES BEST GYMS……. 14

SLIEMA FRANK SALT…………15

(2-3), (4-4), (6-4), (2-4)

Sliema Frank Salt rebħu l-ewwel konfront dirett f’dan is-sajf meta f’logħba sabiħa iżda nieqsa mill-attendenza tipika ta’ dan il-konfront għelbu lil Neptunes Best Gyms 15-14. Il-logħba setgħet tmur kull naħa u kieku ġiet deċiża bil-penalties kienet tagħmel aktar ġustizzja, madankollu Sliema rnexxielhom jibdew u jispiċċaw il-logħba tajjeb, fatturi li kienu determinanti fir-rebħa.

Għal Neptunes din kienet ġimgħa negattiva wara li tilfu fost il-ġimgħa kontra San Ġiljan. F’dawn il-logħbiet, tilfu ftit il-konsistenza li bnew fil-konfronti preċedenti. Huma kellhom nieqes lill-gowlkiper Matthew Castillo li ma kienx fl-aħjar kundizzjoni fiżika għalkemm kien xorta mat-tim, b’Marco Rossi joħodlu postu.

Tliet gowls wara xulxin kmieni fil-logħba poġġew lil Sliema minn fuq filwaqt li wasslu biex il-kowċ ta’ Neptunes Aleksander Ciric sejjaħ time-out biex jikkalma s-sitwazzjoni. Huma rnexxielhom inaqqsu d-distakk għal 3-2 sa tmiem is-sessjoni.

Doppjetta ta’ Stevie Camilleri fit-tieni sessjoni dawret ir-riżultat, b’Neptunes iżommu vantaġġ minimu tul is-sessjoni. Dan sakemm gowls ta’ Jamie Gambin u Angelos Vlachopulos daħħlu lil Sliema jistrieħu 7-6 fuq quddiem.

It-tim ta’ Giannis Katrouzanakis fetaħ aħjar it-tielet sessjoni u reġa’ qeleb ir-riżultat għal 10-8 fosthom doppjetta taż-żagħżugħ Jayden Cassar. Neptunes annullaw id-differenza u wara li Benji Cachia ħalla lil Sliema gowl minn fuq parzjalment, gowls tal-aħwa Stevie u Jordan Camilleri aċċertaw li Neptunes jibdew l-aħħar sessjoni 12-11.

Neptunes kellhom vantaġġ doppju għall-ewwel darba fil-bidu tal-aħħar sessjoni iżda ma bnewx fuqu. Sliema naqqsu d-distakk immedjatament minn Cachia u rnexxielhom idawru r-riżultat fl-aħħar żewġ minuti u nofs minn xutt b’saħħtu ta’ Liam Galea u Sam Engerer.

Neptunes wieġbu immedjatament minn Sam Gialanze fl-aħħar minuta iżda kellu jkun Dino Zammit li qabbeż fuq Marco Rossi 18-il sekonda mit-tmiem. Dan il-gowl wassal għal time-out minn Neptunes iżda wkoll għal protesti mill-kowċ Ciric, li wassluh biex tkeċċa mir-referee Marco Piano minflok ta struzzjonijiet lill-plejers. Sliema rnexxielhom jiddefendu l-aħħar sekondi b’għaqal. Fi tmiem il-logħba, argumenti bejn iż-żewġ settijiet ta’ plejers iddominaw, b’dawk involuti damu ftit biex firdu lil kulħadd.

Neptunes: M. Castillo, S. Gialanze (3), G. Zalanki (3), L. Mallia, J. Camilleri (3), J. Valletta (1), S. Camilleri (3), M. Castillo, B. Schranz, J. Bajada, A. Fenech (1), M. Azzopardi, M. Rossi, E. Mallia

Sliema: N. Grixti, E. Schembri, L. Galea (3), J. Gambin (1), J. Cassar (2), B. Cachia (3), J. Cutajar, D. Rizzo (1), J. Brownrigg, S. Engerer (1), A. Vlachopulos (2), D. Zammit (2), B. Busuttil, J. Chircop

Referees: Massimo Angileri, Marco Piano

SIRENS BUILD FITNESS……. 10

SAN ĠILJAN MAA DAIKIN….. 11

(2-3), (0-4), (5-1), (3-3)

Jekk il-prestazzjoni ta’ fost il-ġimgħa kontra Neptunes kienet eċċellenti, l-istorja kontra Sirens Build Fitness kienet differenti. Il-Ġiljaniżi ma kinux fil-forma tas-soltu u kważi kważi kienu fortunati li ħarġu bil-massimu tal-punti. Sirens stenbħu tard iżda għandhom jibnu fuq il-prestazzjoni tat-tieni parti tal-logħba.

Il-Ġiljaniżi fetħu vantaġġ ta’ tliet gowls minn Ben Plumpton, Matthew Zammit u Aaron Younger sakemm Sirens naqqsu d-distakk għal 3-2 sa tmiem l-ewwel sessjoni. Il-vantaġġ reġa’ kiber għat-tim ta’ Giorgos Katsaounis fit-tieni sessjoni b’erba’ gowls mingħajr risposta u sa dak il-ħin deher kollox faċli.

Iżda l-partita ma kinitx għadha spiċċat u d-doppjetta kmieni fit-tielet sessjoni taż-żagħżugħ Kydon Agius bidlet l-andament tal-logħba. Wara li Younger għamilhom 8-4, tripletta ta’ Nicolas Bicari qatgħet id-distakk għal gowl.

Sirens għamlu iktar kuraġġ fl-aħħar sessjoni, ġabu d-draw f’żewġ okkażjonijiet u kellhom okkażjoni ta’ man-up doppju fejn setgħu marru fil-vantaġġ. San Ġiljan irnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ 11-9 għalkemm il-gowl ta’ Gianni Farrugia ħalla kollox inċert. Fl-aħħar attentati, l-istess Farrugia laqat il-mimduda fl-aħħar sekondi.

Sirens: J. Parnis, P. Serracino, N. Bicari (5), P. Borg (1), J. Cachia (1), K. Agius (2), M. Ortoleva, I. Riolo, J. Zerafa Gregory, M. Sciberras, N. Rafailovic, G. Farrugia (1), M. Bonello duPuis, G. Pace

San Ġiljan: J. Tanti, D. Bugeja, D. Tully (1), R. Caruana, A. Younger (3), M. Zammit (2), J. Bonavia (1), B. Plumpton (1), J. Abela (1), N. Zammit (2), D. Zammit, N. Schiavone, Z. Attard, G. Bonavia

Referees: Ronnie Spiteri, Andrea Rondoni

WATERPOLO – BOV KAMPJONAT I DIVIŻJONI

Marsaxlokk jikkonsolidaw l-ewwel post

TA’ XBIEX AMIGOS……….. 10

MARSAXLOKK MFF……….. 21

(0-4), (1-6), (5-7), (4-4)

Marsaxlokk MFF ikkonfermaw li fil-mument huma l-aħjar tim fl-Ewwel Diviżjoni. Tripletta ta’ Nikola Bogdanovic wittiet it-triq għal rebħa faċli. Il-vantaġġ kompla jikber għal sebgħa sakemm Jan Culic skorja l-ewwel gowl ta’ Ta’ Xbiex f’nofs it-tieni sessjoni. Madankollu tliet gowls oħra konsekuttivi sa tmiem is-sessjoni neħħew kull dubju fejn sejrin it-tliet punti.

It-tielet sessjoni kienet aktar movimentata b’Roko Pelicaric spikka għal Ta’ Xbiex b’ħames gowls personali filwaqt li x-xellugi Ryan Galea skorja tripletta għal Marsaxlokk. L-aħħar sessjoni żammet l-istess andament, bil-logħba tinbidel aktar f’partita ta’ ħbiberija mingħajr antagoniżmu żejjed.

Ta’ Xbiex: T. Schembri, J. Farrugia, A. Camenzuli, L. Grech Carr (1), T.J. Mifsud, M. Manara, F. Scardino, R. Pelicaric (6), N. Bonavia, J. Culic (1), Z. Bartolo, A. Formosa, A. Theuma, S. van Wyk (2)

Marsaxlokk: M. Farrugia, M. Lanzon (1), N. Bogdanovic (6), A. Aquilina (1), R. Spiteri (2), L. Montebello Brownrigg, S. Mifsud, J. Pawley, R. Galea (3), J. Borg Tabone (4), A. Fava (1), A. Cook (3), J. Micallef, B. Lewis

Referees: Stefan Licari, Marco Piano

Kif Jinsabu

Kampjonat Premier

                                          L             R            D            T             F             K            Pti

Sliema                               4             4             0             0             75          47          12

San Ġiljan                         4             4             0             0             56          44          12

Neptunes                          4             2             0             2             57          50          6

Sirens                                4             1             0             3             42          59          3

Exiles                                 4             1             0             3             49          59          3

Valletta                              4             0             0             4             50          70          0

* 2 punti għar-rebbieħ u punt għat-tellief jekk logħba tintemm draw u tiġi deċiża bil-penalties

L-Ewwel Diviżjoni

                                       L             R            D            T             F             K            Pti

Marsaxlokk                     4             4             0             0             76          50          12

Otters                             5             3             1             1             77          61          10

Ta’ Xbiex                         5             2             1             2             64          64          8

Marsaskala                      5             2             0             3             64          71          6

Birżebbuġa                     4             2             0             2             58          48          6

Barracudas                     5             0             0             5             47          92          0

* 2 punti għar-rebbieħ u punt għat-tellief jekk logħba tintemm draw u tiġi deċiża bil-penalties

Logħob li jmiss

Is-Sibt 12 ta’ Lulju

Valletta v Sirens              5.30pm

Neptunes v Exiles           6.45pm

Sliema v San Ġiljan        8.00pm