Kien kunċert mistenni minn eluf ta’ appasjonati tal-mużika, seċjalment dawk li għandhom għal qalbhom il-mużika tas-snin disgħin. Kunċert li fih l-aħwa Gallagher reġgħu kantaw flimkien b’mod eċċelenti wara snin twal.
Dan kien l-ewwel kunċert tal-grupp leġendarju OASIS f’Cardiff, fejn wara 16-il sena Liam u Noel Gallagher mill-ġdid taw spetaklu mill-isbaħ lil eluf ta’ persuni li attendew għal dan il-kunċert, li fih kantaw diversi mil-kanzunetti kassiċi tagħhom – fosthom Cigarettes, Alcohol, Live Forever u Slide Away.
L-aħwa Gallagher – li huma minn Manchester – fetħu dan il-kunċert bil-kanzunetta ‘Hello’ li hija waħda mill-ftit suċċessi li fihom ikantaw flimkien.
Bis-siltiet ‘it’s good to be back u ‘We need each other’ jinżlu għasel man-nies li bla dubju ta’ xejn jiftakru l-jiem li fihom kien inqala’ d-diżgwit bejn l-aħwa.
Dan hekk kif wara s-sena 2009, Noel Gallagher kien qal li qatt ma kienu se jerġgħu jingħaqdu flimkien – filwaqt li kienu għaddew diversi botti lejn xulxin, kemm waqt l-intervisti kif ukoll fuq il-medja soċjali.
Kien għalhekk li l-udjenza, laqgħet lill-aħwa Gallagher b’ħafna enerġija u emozzjonijiet kbar hekk kif dawn ħarġu id f’id.
Bla dubju ta’ xejn l-udjenza infexxet f’għajat kbir meta l-band Oasis daqqet l-aktar kanzunetti popolari – ‘Wonderwall’ u ‘Don’t look back in Anger’.
Mument impressjonanti u li qanqal ħafna emozzjoni kien meta l-OASIS kantaw id-diska ‘Live Forever’ b’tislima lill-plejer tal-Liverpool Diogo Jota.
Interessanti il-fatt li għal dan il-kunċert attendew ukoll diversi żgħażagħ; b’uħud minnhom possibilment lanqas kienu twieldu meta l-OASIS kienu fl-aqwa tagħhom….fi żmien meta l-argumenti li kienu jinvolvu ruħhom fihom kienu jisirqu l-faccati tal-ġurnali daqs is-suċċessi tagħhom.
Intant, dan l-ewwel kunċert tal-Oasis għat-tour tagħhom għalaq bil-kanzunetta Champagne Supernova – u b’tagħniqa bejn l-aħwa.
//= $special ?>