Qorti

Jitwaqqfu l-proċeduri kontra raġel mixli bi stupru

Il-Qorti waqfet Il-proċeduri kriminali kontra raġel ta’ 69 sena, li ġie akkużat li stupra lil martu fuq ix-xewqa tagħha stess.

Ix-xahar li għadda, r-raġel li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, ġie akkużat li żamm lil martu kontra r-rieda tagħha, ffastidjaha, attakkaha, insulentaha u kkawżalha biża’ mill-vjolenza.

Ir-raġel ċaħad l-akkużi kollha flwaqt li l-proċeduri twaqqfu wara li l-mara rrifjutat li tixhed kontrih.

Il-Qorti ġiet infurmata mill-ispettur Christian Cauchi li fit-28 ta’ Mejju l-mara marret fiċ-Ċentru tal-Vjolenza Domestika f’Santa Luċija sabiex tirrapporta lil żewġha.

F’dak il-mument, il-mara spjegat l-episodji trawmatizzanti li għaddiet minnhom fosthom meta l-akkużat għamlilha sikkina tal-butir ma’ għonqha u heddidha filwaqt li semmiet kif żewġha kien qed jissuspetta li kienet qed tara lil xi ħaddieħor u beda jgħir tant spiċċa heddidha li joqtolha u jidfinha.

Fil-jum tar-rapport, Il-mara stqarret kif minkejja li hu u żewġha ma kinux jorqdu flimkien, hu ġieli jmur fil-kamra tagħha u jabbużaha.

Minkejja li l-Qorti kienet kontra l-idea li jitwaqqaf il-każ u li avżatha li, jekk il-proċeduri jieqfu, ma tkunx tista’ toffrilha protezzjoni, il-mara insisties li ma kinitx se tixhed kontrih.

Il-Maġistrat Abigail Critien laqgħet it-talba biex jitwaqqfu l-proċeduri kontra l-akkużat.