Lokali

Konferma li l-Gvern ma tgħallem xejn mill-mewt ta’ Jean Paul Sofia – PN 

L-aħbar żvelata llum minn The Shift News li persuna akkużata fil-Qorti b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia reġgħet ingħatat impjieg ma’ awtorità fuq l-artijiet pubbliċi jikkonferma li l-Gvern Laburista ma tgħallem xejn mill-mewt ta’ Jean Paul Sofia u ma jemminx fis-saltna tad-dritt.

Kull ħaddiem ordinarju tas-servizz ċivili jkun sospiż mill-ewwel jekk ikun akkużat f’każ bħal dan. Imma dan ġie ppremjat għax hu tal-qalba u qrib il-Gvern.

Dan intqal fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit.

Il-Gvern qed ikompli jinjora r-rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia li identifika nuqqasijiet gravi, u dan huwa insult għall-familja ta’ Jean Paul u għaċ-ċittadini kollha li jemmnu fil-ġustizzja u fis-saltna tad-dritt.

Il-PN ifakkar li kieku ma kienx għall-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech u l-perseveranza tal-familja ta’ Jean Paul Sofia, din l-inkjesta lanqas biss saret.

L-aħbar tal-lum qed tasal ukoll wara l-kollass ta’ bini f’Paceville u l-fatt li l-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Sofia għadhom lanqas bdew jiġu implimentati jew qed issir ħidma kajmana fuqhom.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-ġlieda għall-ġustizzja trid tkun bil-fatti u tidher f’deċiżjonijiet amministrattivi, mhux bil-paroli vojt.