Lokali

Lejn l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap ġdid tal-PN

F’kummenti li ta lil Net News, is-Segretarju Ġenerali tal-PN Charles Bonello spjega li l-proċess ta’ tesserament bħalissa jinsab fl-aqwa tiegħu. Dan hekk kif eluf ta’ tesserati qiegħdin jaraw li jinsabu f’konforma mar-regolamenti eletorali – sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Charles Bonello saħaq li r-reġistru tat-tesserati ser ikun qiegħed jagħlaq għaxart ijiem qabel id-data tal-elezzjoni. Dan ifisser li dawk kollha li għandhom bżonn jiċċekjaw dwar pagamenti ta’ tesseri b’lura, għandhom jagħmlu dan immedjatament.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista qal ukoll li hemm żewġ modi kif wieħed jista’ jara li għandu kollox konformi. Dan billi jidħol fuq is-sit tal-PN online jew inkella jżur id-Dar Ċentrali tal-PN mid-9am sa 7am.

Bħalissa, il-proċess għall-elezzjoni tal-ħatra ta’ Kap tal-PN jinsab fil-fażi tad-due diligence.