Futbol Internazzjonali

Membri tal-familja u plejers miġbura fil-Portugall biex isellmu l-memorja ta’ Diogo Jota u ta’ ħuh Andrè Silva

Is-Sibt ingħatat l-aħħar tislima lill-plejer tal-Liverpool u tal-Portugall Diogo Jota u ta’ ħuh, Andre Silva li tilfu ħajjithom b’mod traġiku f’inċident bil-karozza fil-provinċa ta’ Zamora fi Spanja, l-Ħamis li għadda.

Kienu bosta membri tal-familja u plejers li nġabru fil-belt ta’ Gondomar fil-Portugall, il-belt fejn trabbew Diogo Jota u ħuh Andrè Silva, sabiex jagħtu l-aħħar tislima.

Preżenti għal dan il-funeral kien hemm numru ta’ plejers internazzjonali li lagħbu ma’ Jota, fosthom il-captain tal-klabb ta’ Liverpool Virgil van Dijk, flimkien mal-plejers tal-Liverpool Andrew Robertson, Alexis Mac Allister, Darwin Nunez u oħrajn.

Barra minn hekk, preżenti għal dan il-funeral kien hemm l-eks captain tal-klabb ta’ Liverpool Jordan Henderson u l-plejer James Milner, kif ukoll il-maniġer tal-klabb ta’ Liverpool Arne Slot, li sellmu l-memorja ta’ Diogo Jota.

Bruno Fernandes, Bernardo Silva u Joao Felix, li lagħbu ma’ Diogo Jota fin-nazzjonal tal-Portugall ukoll kienu preżenti, flimkien ma’ plejers oħra minn-nazzjonal Portuġiż.

Ftit inqas minn ġimagħtejn ilu, Diogo Jota kien għadu kemm iżżewweġ lit-tfajla tiegħu Rute Cardoso, li kienu ilhom flimkien għal numru ta’ snin, u flimkien kellhom tlett itfal.

Diogo Jota wkoll kellu staġun brillanti mal-klabb ta’ Liverpool hekk kif rebaħ it-tazza tal-Premier League, u n-Nations League man-nazzjonal tal-Portugall.