Lokali

‘Ħajja sal-Aħħar’: Hospice Malta b’maratona ġbir ta’ fondi

Ritratti: Joseph Galea

“Ejjew inkunu ġenerużi, għaliex sakemm qegħdin hawn, irridu nkunu ta’ spalla għal xulxin”.

Kien dan il-messaġġ li wasslet l-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, waqt il-ftuħ tal-maratona ġbir ta’ fondi b’risq Hospice Malta l-Ħadd filgħodu.

Fil-messaġġ tagħhha, il-President ta’ Malta appellat sabiex kull wieħed u waħda minnha nkunu ta’ spalla għal xulxin, sabiex nagħtu l-għajnuna tagħna lill-pazjenti u l-familji li jkunu qegħdin fl-aktar mument delikat u ta’ tbatija f’ħajjithom.

Il-President ta’ Malta, tenniet kif il-kura għandha tkun waħda ħolistika; medika u anke emozzjonali. Hija rringrazzjat lill-voluntiera u l-ħaddiema kollha li jagħmlu tant ma’ dawn il-persuni u l-familji tagħhom.

Minn naħa tiegħu, l-Arċisqof Charles Scicluna spjega kif Hospice Malta tagħti għajnuna ħolisitika u appella sabiex inkunu qrib ta’ xulxin dejjem u f’kull mument. Filwaq li rringrazzja lil kull min ta, u kull min se jkun qed jagħti l-għajnuna tiegħu.

Huwa insista li l-Hospice toffri l-għajnuna tagħha meta persuna tkun waslet lejn l-aħħar ta’ din id-dinja.

Bernadette Bonnici Kind, ic-Chairperson ta’ Hospice Malta tenniet li hija fiduċjuża fil-qalb ġeneruża tal-Maltin u għaldaqstant appellat sabiex il-poplu jibqa’ jagħti l-għajnuna tiegħu għaliex in-numru ta’ persuni li qed ifittxu lil Hospice Malta dejjem qed jiżdied.

Għal darba oħra, Hospice Malta qed iddur fuq il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi bil-maratona ta’ din is-sena qed issir bit-tema ta’ ‘Ħajja sal-Aħħar’.

Matul is-sena 2024, kienu 917-il pazjent ġdid li rrikorrew għas-serizzi ta’ Hospice Malta hekk kif il-bżonn ta’ kura paljattiva dejjem qed tiżdied. B’Hospice Malta saħanistra qegħdha f’diskussjonijiet avvanzati sabiex jinfetaħ in-patient unit li jista’ jitgawda minn dawk li tant għandhom bżonn.

Il-fondi miġbura minn din il-maratona se jkunu qed jintużaw b’mod dirett mill-pazjenti u l-familja tagħhom sabiex jibbenefikaw mill-kura ħolisitika, mhux dik medika biss iżda anke spiritwali u emozzjonali.

Tant hu hekk, li kienu bosta t-testimonjanzi ta’ qraba ta’ pazjenti li rċivew l-għajnuna mingħand il-Hospice…li ddikjaraw li Hospice Malta kienet l-organizazzjoni li f’mument ta’ kaos, u tbatija, tat tama lill-pazjenti u anke l-qraba tagħhom.