Lokali

Il-Mediterrane Film Festival ġie jiswa €5 miljun

Il-Mediterrane Film Festival ġie jqum madwar €5 miljun, hekk kif diversi personalitajiet mid-dinja taċ-ċinema għal darb’oħra inġiebu f’pajjiżna.

Fost dawn kien hemm l-attur Russel Crowe… flimkien ma’ ġurnalisti u membri ta’ diversi crews mid-dinja ta’ Hollywood inġiebu mill-Istati Uniti; f’ġimgħa deskritta bħala waħda ta’ lussu.

Rapport mill-ġurnal Times of Malta spjega kif fl-għeluq tal-Festival, għas-serata gala fuq Manoel Island, kien hemm mal-elf persuna mistiednin – avvenimentta’ mużika u divertiment, fejn fost l-oħrajn kien hemm esebizzjoni mill-kantanta ta’ fama internazzjonali Emeli Sandre.

Għal darb’oħra madanakollu l-ġurnal spjega kif tali avveniment li kien organizzat mill-21 sad-29 ta’ Ġunju, ġab miegħu kritika għan-nefqa ta’ miljuni ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu – bil-Kummissarju tal-Films Johann Grech jisħaq li n-nefqa hija simili ħafna għal dik tas-sena preċedenti.

Is-sena l-oħra, Grech kien saħaq li l-festival tal-2024 ġie jiswa €3.9 miljun; madanakollu wara insistenza mill-midja u mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi saħaq li ġie jiswa €1.1 miljun aktar.

Il-kummissjoni qed tibqa’ tinsisti li tali avveniment jagħti kontribuzzjoni kbira kemm għall-industrija kif ukoll għall-ekonomija.

Il-festival intwera aktar tard fil-jiem ta’ wara fuq ix-Xandir Nazzjonali kif ukoll fuq il-midja tal-Partit Laburista.