Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Joseph R Grima

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Joseph R Grima li ħalla din id-dinja fl-età ta’ 85 sena. 

Grima jibqa’ magħruf għas-servizz impekkabbli li ta lill-pajjiż għal kważi 50 sena sħaħ, inkluż fi żminijiet storiċi li matulhom pajjiżna għadda minn kolonja Ingliża biex sar nazzjon indipendenti, u eventwalment stat membru tal-Unjoni Ewropea. 

Fuq kollox, imma, jibqa’ mfakkar għar-riformi importanti li wettaq fiċ-Ċivil biex is-servizz pubbliku f’pajjiżna jimmodernizza ruħu matul is-snin u jwettaq numru ta’ tibdiliet kruċjali u kisbiet.

Tul karriera twila fl-amministrazzjoni pubblika, bejn l-1956 u l-2005, Joseph R Grima ħadem b’lealtà kbira fi żmien gvernijiet differenti. Wara li ngħaqad mas-servizz pubbliku fl-1956 l-ewwel bħala emergency teacher, u mbagħad mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni, eventwalment ingħaqad mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin – fejn serva wkoll fil-Kummissjoni Għolja Maltija f’Londra – sakemm fl-1975 ingħaqad mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn serva taħt ħames Prim Ministri differenti.

L-itwal perjodu minn dawn kienu s-snin li serva taħt Eddie Fenech Adami – perjodu li matulu l-ewwel serva bħala Segretarju tal-Kabinett fis-snin disgħin, imbagħad Kap tas-Servizz Pubbliku għal 10 snin sħaħ, waqt li kien appuntat ukoll bħala l-ewwel Segretarju Permanenti Prinċipali, sakemm irtira mis-servizz pubbliku fl-2005.

Joseph R Grima, li kien minn Raħal Ġdid, serva wkoll fuq diversi bordijiet fosthom tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC), il-Management Systems Unit, il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-Istitut tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Kunsill tal-Università.