Il-medjaturi fil-Qatar mhumiex daqstant fiduċjużi li jipperswadu lil Iżrael u l-Ħamas biex iwarrbu l-aħħar intoppi relatati ma’ ftehim għall-paċi potenzjali fil-Medda ta’ Gaza.
Dan meta l-Iżraeljani bagħtu delegazzjoni lejn Doha, il-kapitali ta’ Qatar, għal taħditiet relevanti mar-rappreżentanti tal-grupp terroristiku Palestinjan….Taħditiet li jridu jitrattaw ukoll il-kwistjoni tal-aħħar ostaġġi Iżraeljani miżmumin mill-Ħamas f’Gaza.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, qal li Iżrael kien aċċetta l-istedina għat-taħditiet minkejja l-bidliet li l-Ħamas irid jimplimenta għall-pjan dwar waqfien mill-ġlied ippreżentat mill-medjaturi tal-Qatar, l-Istati Uniti u l-Eġittu….Bidliet li Netanyahu rrefera għalihom bħala ‘inaċċettabbli’.
Dan ukoll minkejja li l-Ħamas, sigħat qabel, kien irreaġġixxa ‘b’mod pożittiv’ għall-proposta dwar waqfien mill-ġlied, effettiv għal 60 jum…Messaġġ li indika wkoll li l-Ħamas jinsab lest għan-negozjati fit-tul.
Fl-istess ħin, iżda, xi sorsi Palestinjani qalu li l-grupp Ħamas kien qed jinsisti għall-emendi fil-pjan li suppost jinkludu garanzija li Iżrael ma jirrikorrix għall-ostilitajiet f’sitwazzjoni fejn ifallu t-taħditiet dwar waqfien mill-ġlied permanenti.
Intant, il-poplu ta’ Gaza, fl-aħħar sigħat, kompla jġarrab l-impatt tal-gwerra, bil-Ministeru tas-Saħħa fit-territorju jirrapporta dwar talanqas 80 maqtula oħra b’kaġun tal-attakki mill-Iżraeljani….Vittmi li l-katavri tagħhom kienu qed jitwasslu kontinwament lejn l-isptarijiet fil-Medda ta’ Gaza.
Il-Gvern Iżraeljan, issa, qed jindika li lest ikompli xorta bin-negozjati u kuntatti għar-ritorn tal-ostaġġi minn Gaza u meta qed jirriserva d-dritt biex ikompli jsegwi u jevalwa s-sitwazzjoni fl-aħjar interessi ta’ pajjiżu.
Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan, Donald Trump, ukoll qed isegwi l-iżviluppi b’interess kbir….Dan wara li hu, fl-aħħar jiem, tkellem b’ton ottimist ħafna dwar il-possibbiltajiet ta’ żblokk fil-kriżi umanitarja ta’ Gaza….Fl-istess ħin, Trump, minkejja x-xettiċiżmu tal-medjaturi, mhux jeskludi li ftehim għal waqfien mill-ġlied jista’ anki jkun konkluż fi kwistjoni ta’ ġranet.
//= $special ?>