Lokali

It-temperatura f’Malta mistennija tinżel għal 30 grad

Waqt li l-Ewropa qed tbaqbaq bis-sħana, f’pajjiżna t-temperaturi mistennija jikkalmaw xi ftit għall-ġranet li ġejjin. Dan hekk kif it-tbassir tat-temp għal din il-ġimgħa juri li s-sħana se tkun qed tbatti xi ftit – jew għallinqas, dan huwa dak li qed juru n-numri.

Mill-bidu tal-ġimgħa – meta t-temperaturi se tkun ta’ 35 grad – is-sħana se tkun qed tonqos gradwalment. Biex sal-Ħamis, l-għola temperatura se tkun ta’ 30 grad, u l-inqas se timmarka 22 grad celcius.

Apparti minn hekk, f’nofs il-ġimgħa se jkollna riħ qawwi mill-Majistral li se jġib miegħu arja kemmxejn aktar friska. Dan se jwassal biex bejn l-Erbgħa u s-Sibt, is-sħana li esperjenzajna f’dawn il-jiem mistennija tbatti xi ftit.

Fil-fatt, it-temperatura se tkun qed tinħass 31 grad celcius. Bir-riħ ivarja bejn Forza 2 u Forza 3.

Matul din il-ġimgħa, eluf ta’ familji Ewropej esperjenzaw sħana rekord – minn Spanja sat-Turkija, mill-Italja sal-gżejjer Griegi. Dan apparti li t-temperaturi estremi wasslu wkoll biex tkebbsu nirien kbar kemm fi Kreta u anke fit-Turkija.

Is-sħana fl-Ewropa tant kienet soffokanti li ħalliet ukoll diversi vittmi, partikolarment fi Spanja u l-Italja.

Intant, din il-ġimgħa, in-nies li jgħixu f’Pariġi kellhom l-opportunità jaqbżu fix-xmara Seine wara prjobizzjoni ta’ 100 sena – xi ħaġa li bla dubju ta’ xejn għenet sabiex in-nies ikunu jistgħu jifriskaw xi ftit.