Formula 1 Sport

Lando Norris jirbaħ f’Silverstone fi Grand Prix kaotiku

(Ritratt: EPA)

Lando Norris ħareġ rebbieħ fiċ-ċirkwit ta’ Silverstone fl-Ingilterra fi Grand Prix iddominat mix-xita. Hu rnexxielu jegħleb l-isfida ta’ sieħbu fit-tim Oscar Piastri biex issa b’din ir-rebħa naqqas ukoll id-distakk fil-quċċata tal-klassifika tas-sewwieqa minn mal-istess Piastri għal tmien punti biss. Din kienet ukoll l-ewwel rebħa għal Norris fiċ-ċirkwit ta’ pajjiżu.

Ir-riżultat kien ukoll ikkundizzjonat mill-10 sekondi penalità li weħed Oscar Piastri wara li nstab ħati li ma saqx kif suppost wara li s-safety car ħalliet iċ-ċirkwit. Piastri kien qed jiddomina dan il-Grand Prix sa qabel ma daħal fil-pit biex iservi l-10 sekondi penalità.

Is-sewwieq Ġermaniż Nico Hulkenberg kiseb l-ewwel podju tiegħu wara 239 tellieqa meta temm fit-tielet post hekk kif irnexxielu jżomm lis-sewwieq ta’ Ferrari Lewis Hamilton l-bogħod minnu. Max Verstappen li beda mill-Pole Position temm biss fil-ħames post wara li kien involut f’inċident ftit wara li ħarġet is-safety car għat-tieni darba.

Fis-sitt u s-seba’ pożizzjoni temmew Pierre Gasly u Lance Stroll rispettivament filwaqt li Alexander Albon, Fernando Alonso u George Russell għamluwha mal-ewwel għaxar sewwieqa.