Internazzjonali

Stati Uniti: Elon Musk iniedi t-tielet partit bi sfida għal Trump u d-Demokratiċi

Elon Musk, l-akbar sinjurun fi-dinja, ikkonferma li qed iniedi partit politiku ġdid fl-Istati Uniti….Dan wara li l-proprjetarju tal-kumpanniji Tesla u ‘X’ kien iffinanzja l-mijiet tal-miljuni tad-dollari fil-kampanja elettorali tal-President tal-Istati Uniti  Donald Trump u li miegħu, kisirha bl-ikrah fl-aħħar ġranet.

Musk, sa ftit ilu, kien qed imexxi lid-Dipartiment għall-Effiċjenza fil-Gvern Amerikan (DOGE) u l-battibekk drammatiku ma’ Trump ilu l-aħħar ġimgħat jiddomina l-aħbarijiet, fost l-insulti personali bejn iż-żewġ eks-ħbieb u alleati.

Intant, Elon Musk, issa, ħabbar li qed iwaqqaf  l-America Party bħala ‘sfida għas-sistema tradizzjoni ta’ żewġ partiti politiċi dominata mir-Repubblikani u d-Demokratiċi’.

Madankollu, mhux ċar jekk il-partit ġdid  hux formalment irreġistrat mal-awtoritajiet elettorali tal-Istati Uniti. Hu minnu wkoll li Elon Musk mhux eliġibbli biex, ‘il quddiem, jikkuntesta għall-Presidenza Amerikana minħabba li hu mwieled fl-Afrika t’Isfel…Dan waqt li Musk, għalissa, mhux jiżvela minn se jkun qed imexxi l-America Party – bl-ispekulazzjoni tal-istampa ma tonqosx.

Kien ftit tal-ġimgħat ilu biss li Musk ħareġ bl-idea tat-tielet partit u waqt l-eqqel tal-ġlieda bejnu u l-President Trump f’ċirkustanzi li anki ġiegħeluh iwarrab mir-rwol speċjali u ewlieni mal-Gvern Amerikan….Rwol li fih, Musk irnexxielu jagħmel ħafna għedewwa fost il-politiċi influwenti f’Washington.