“Dan huwa wieħed mill-akkużati fil-qtil involontarju ta’ ibni l-għażiż.”
Saħqet dan Isabelle Bonnici fil-konfront ta’ Kurt Buhagiar – wieħed mill-persuni akkkużati li kien involut fil-qtil involontarju ta’ Jean Paul Sofia. Iż-żagħżugħ ta’ 20 sena li safa mejjet wara li ġġarrfet binja f’Kordin, lura fl-2022.
Omm Jean Paul Sofia saħqet li hi trid spjegazzjoni għaliex dan ir-raġel, li qed jiġi akkużat b’reati serji, mhux qiegħed sospiż – għall-inqas sakemm jinqata’ l-każ ta’ binha. Każ li kien ixxokja pajjiż sħiħ.
Iżda l-Prim Ministru Robert Abela, meta ġie mistoqsi mill-ġurnalisti, saħaq li Kurt Buhagiar reġa’ ddaħħal fil-post tax-xogħol tiegħu wara deċiżjoni amministrattiva. Fi kliem sempliċi – iġġustifika din il-mossa.
Intant bosta kienu dawk li esprimew it-tħassib u d-dispjaċir tagħhom. U fost il-kummenti, kien hemm dawk li qalu li anke jekk il-każ għadu pendenti, għall-inqas għandha tintwera ċerta diċenza lejn il-familja tal-vittma – u Kurt Buhagiar jibqa’ barra mil-Lands Authority sakemm tinqata’ l-kawża kriminali.
Iżda skont Robert Abela, Buhagiar ser jibqa’ jokkupa l-kariga tiegħu fil-Lands.
Dan il-każ ġab ukoll qasma fil-Kabinett tal-Gvern. B’ministri joħduha kontra xulxin. U bi Stefan Zrinzo Azzopardi jgħid li d-deċiżjoni ta’ Kurt Buhagiar ma ħadiex hu.
