Il-Pulizija qiegħda tappella lill-pubbliku għal aktar attenzjoni, hekk kif fl-aħħar jiem irċeviet numru ta’
rapporti mingħand persuni li qegħdin jirċievu messaġġi u telefonati qarrieqa b’numri ‘lokali’ jallegaw
li huma uffiċjali tal-bank.
Permezz ta’ dawn il-messaġġi, il-pubbliku qiegħed jirċievi link, li jinbidel minn żmien għal żmien, liema
link ikun segwit b’telefonata li toriġina min-numru +356 99180001 jew inkella minn +356 991800001.
Minn Novembru 2024 ’l hawn, il-Pulizija rċeviet aktar minn 60 rapport.
F’din it-telefonata, mara li titkellem b’Malti perfett tindirizza lilha nnifisha bħala impjegata tal-bank li
taħdem fi ħdan id-dipartiment tal-frodi tal-istess bank. Din il-mara, minn telefonata għall-oħra tuża
ismijiet differenti bħal Sandra, Cynthia, jew Rachel, u tindirizza lill-vittma b’isimhom.
L-‘impjegata’ tkompli tgħid lill-vittma: “Dan l-aħħar użajt iPhone biex tagħmel tranżazzjoni fil-lokalitá
(hawn issemmi isem ta’ lokalità f’Malta)?”, jew “saru xi tranżazzjonijiet li jammontaw ghal X amount,
inti taf bihom? Ser tirċievi link u idħol fiha sabiex inkunu nistgħu nwaqqfu dawn it-tranżazzjonijiet”
Il-vittmi, meta jwieġbu fin-negattiv, jiġu infurmati li kellhom jirċievu link sakemm dan il-link ma jkunx
diġà ntbagħat qabel fuq il-mobile u jintalbu jħassru t-tranżazzjoni. Malli jikklikkja fuq il-link, il-‘vittma’
tmur f’paġna li tixbah is-sit leġittimu tal-bank, inkluż il-logo korporattiv tiegħu, iddisinjat biex jidher
awtentiku, u jqarraq bil-vittmi. Hekk kif tintemm it-telefonata, isiru diversi tranżazzjonijiet lil
benefiċjarji differenti barra minn Malta.
Dawn il-messaġġi u telefonati ma huma xejn għajr scam, bil-Pulizija tappella lil min jirċevihom biex jinjorahom.
//= $special ?>