Lokali Qorti

Avukat jinħeles minn akkużi ta’ theddid fuq żbalji fl-akkużi

L-avukat William Cuschieri, ta’ 42 sena mill-Mosta, inħeles mill-akkużi li hedded li jispara fuq is-sieħba tiegħu u l-avukat tagħha wara li l-Pulizija niżlu ħażin il-ħin u l-post tal-inċident fil-folja tal-akkuża.

Il-każ inbeda wara li l-avukat Martina Caruana, li kienet qed tirrappreżenta lis-sieħba ta’ Cuschieri, ippreżentat reġistrazzjoni ta’ telefonata lit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika tal-Pulizija. Caruana xehdet li waqt din it-telefonata, Cuschieri qal lis-sieħba tiegħu:

“L-ewwel tgħidli li m’intix theddidni, imbagħad tgħidli li jekk inġib avukat, tagħtih żewġ tiri.” Meta ġiet konfrontata dwar dan, skont Caruana, Cuschieri wieġeb: “Din mhux sfida, dik inwiegħdek li nagħmilha. Li l-ewwel nispara lilek u wara lilu.”

Din it-testimonjanza kienet sostnuta wkoll mill-avukata Emma Portelli Bonnici, li qalet li wkoll semgħet l-istess telefonata u kienet fost dawk li ressqu rapport formali lill-Pulizija. Il-prosekuzzjoni kienet qed issostni li l-inċident seħħ fid-Domestic Violence Unit fis-1:30pm, iżda l-folja tal-akkuża kienet tgħid li l-każ seħħ fir-Rabat fis-6:10pm.

Barra minn hekk, id-dokument ġie ġuramentat fl-Għassa ta-Imtarfa, mhux ir-Rabat, kif kellu jkun. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Monica Vella, ikkonkludiet li dawn l-iżbalji proċedurali kienu tant gravi li ma setgħux jiġu injorati.

Minkejja li l-Qorti qalet li l-allegazzjonijiet kienu “koroh ħafna u jistħoqqilhom kull kundanna morali,” kienet obbligata tħares lejn il-fatti legali kif kienu ppreżentati fuq il-folja tal-akkuża. Il-Qorti sabet li l-akkużat ma seta’ qatt jinstab ħati ta’ theddid li allegatament sar fir-Rabat fis-6:10pm, għax il-provi kollha rriferew għal inċident li seħħ f’post u ħin kompletament differenti.

Il-Qorti għalhekk ma kellha ebda triq oħra ħlief li tiddikjara l-każ estint fil-konfront ta’ William Cuschieri. Fuq dan il-każ persuna legali fil-Qorti rrimarkaw dwar l-importanza li l-awtoritajiet investigattivi jaħdmu b’attenzjoni u preċiżjoni assoluta fil-proċess kriminali.

Żball bħal dak fil-folja tal-akkuża, saħansitra fuq ħin u post, jista’ jwassal biex persuna ma tiġix ikkundannata anke jekk il-provi jkunu msaħħa.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Monica Vella.