Lokali

Ċelebrazzjoni għall-VIPs minn flus il-poplu bis-saħħa ta’ Johann Grech u Owen Bonnici – PN

Nefqa astronomika minn fondi pubbliċi fuq il-festival tal-films għal darba oħra twassal għal kundanna, inkluż minn diriġenti tal-Gvern stess

Il-Kummissarju tal-Films jidher li se jitħalla jibqa’ jagħmel li jrid u għal darba oħra l-festival tal-films ta’ din is-sena organizzat minn Johann Grech bil-barka ta’ Owen Bonnici reġa’ nbidel f’ċelebrazzjoni lussuża għall-VIPs minn flus il-poplu bis-saħħa ta’ Grech u Bonnici.

Rapporti fil-media żvelaw kif fuq il-Mediterrane Film Festival li sar fil-jiem li għaddew intefqu xejn inqas minn €5 miljun mit-taxxi tal-poplu – nefqa bla preċedent li l-Kummissarju nnifsu ammetta li hija spiża ferm ogħla minn dik tas-sena l-oħra.

Fi stqarrija,ix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura, Julie Zahra stqarret kif dawn il-fondi pubbliċi ntużaw biex jitħallsu titjiriet bi private jets biex jinġiebu f’Malta atturi bħal Russell Crowe u David Wallaims, biljetti business class għal ġurnalisti barranin, akkomodazzjoni f’lukandi lussużi ta’ ħames stilel, u gala show għal madwar 1,000 mistieden fuq Manoel Island.

Kompliet tgħid kif, din in-nefqa astronomika ġibdet il-kundanna ta’ ħafna nies, inkluż fil-Labour stess. Tant li d-Delegat Speċjali tal-Partit Laburista għat-Twettiq tal-Programm Eletorali u Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta Jason Micallef – f’kumment fuq Facebook indirizzat lejn Grech u Bonnici – ħass li kellu jikkummenta li bl-istess ammont ta’ flus kien jorganizza 20 spettaklu konsekuttiv fil-Belt Valletta għall-aħħar tas-sena u żewġ festivals tal-Isle of MTV fuq il-Fosos.

Wieħed mill-mistiedna ta’ Johann Grech stess, il-ħabib personali tiegħu David Walliams saħanistra ċċajta li l-producers tal-films li jridu jiġu Malta u jgawdu mill-miljuni ta’ ewro f’sussidji mit-taxxi tal-poplu “jridu jorqdu ma’ Johann Grech” l-ewwel – kumment li wkoll ma niżel tajjeb xejn.

Il-Partit Nazzjonalista temm ifakkar kif Grech baqa’ ma ta l-ebda risposta ċara dwar id-differenza ta’ €7 miljun bejn l-allokazzjonijiet fil-Budget 2024 u dak li verament spiċċa ntefaq. Lanqas ma ta spjegazzjoni dwar film qasir li fih deher hu stess, li allegatament swielna nofs miljun ewro. Is-sena l-oħra l-Awditur Ġenerali sab ukoll nuqqasijiet kbar ta’ trasparenza fil-mod kif jiġu organizzati attivitajiet mill-Kummissjoni Maltija tal-Films.

Aktar gravi hu l-fatt li d-Deputati tal-Gvern Laburista fil-PAC ċaħħdu lill-Oppożizzjoni milli tistaqsi mistoqsijiet rilevanti dwar dan l-infiq bla rażan min-naħa ta’ Johann Grech – atteġġjament li juri kultura ta’ arroganza, nuqqas ta’ trasparenza u responsabbiltà.

Minkejja li l-industrija tal-films għaddiet minn taħt idejn l-eks Ministru Clayton Bartolo għal taħt il-Ministeru ta’ Owen Bonnici, il-mistoqsijiet dwar governanza, kontabbiltà u tmexxija trasparenti mhux talli ma naqsux, imma talli żdiedu.

Il-poplu Malti jixraqlu tmexxija responsabbli u ġusta. Mhux aċċettabbli li l-flus pubbliċi jintefqu b’dan il-mod waqt li ma teżisti l-ebda kontabbiltà.