Lokali

Ebda apoloġija minn Robert Abela wara s-serq tal-Każini tal-Labour

Skiet totali min naħa tal-Mexxej Laburista Robert Abela fil-konfront tal-kundanni varji tal-Qorti tal-Appell rigward is-serq ta’ propjetajiet mill-istess Labour sabiex jintużaw bħala każini tal-partit.

Dan hekk kif f’dawn l-aħħar xhur il-Qorti ta’ pajjiżna kkundannat kemm-il darba lill-Partit Laburista rigward serq ta’ propjetà immobbli li ttieħdet mill-propjetarji għal skopijiet intiżi biss biex il-Partit tal-Labour jużhom bħala każini tiegħu.

Il-Qorti kienet saħqet li l-Partit Laburista kiser id-drittijiet tal-propjetarji – kif ukoll li mmanipula s-sitema legali ta’ pajjiżna sabiex jibbenefika minnha l-Partit Laburista għal skopijiet partiġjani. B’riżultat li, issa, wara dawn il-kundanni, il-Gvern Malti ser ikollu joħroġ miljuni ta’ flus f’kumpensi lill-propjetarji minħabba li d-drittijiet tagħhom ġew miksura mil-Labour – flus li se jinħarġu mit-taxxi tagħna.

Kien għalhekk li Net News staqsa lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela dwar kif ser ikun qed jagħmel tajjeb għall-miljuni li jridu jingħataw minn fondi pubbliċi f’kumpens. U jekk, għall-inqas, jiskużax ruħu dwar l-illegalitajiet imwettqa mill-Partit li jmexxi hu. Iżda, bqajna bla risposta –  b’Abela, skomdu għall-aħħar, jirrifjuta li jirrispondi l-mistoqsjijet tagħna u jaħrab jiġri lejn il-karozza tiegħu.

Il-Partit Laburista u l-Gvern Malti kellu mat-tmien kawżi relatati ma’ każini tal-Labour – fosthom f’Santa Venera, Birżebbuġa, Tal-Pieta, il-Belt Valletta, Ħal Lija, fiż-Żurrieq, Ħal Qormi u anke ta’ Raħal Ġdid.

Bil-Gvern Malti, minn fondi pubbliċi, ser ikollu joħroġ miljuni ta’ flus f’kumpensi varji minħabba l-azzjonijiet passati tal-Partit Laburista