Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Gvern biex jikkjarifika x’qed jiġri fl-Aġenzija Identità li apparti li hija mifnija bi skandlu wara l-ieħor, issa sirna nafu wkoll li fl-aħħar sigħat irriżenjaw ħabta u sabta l-Kap Eżekuttiv u d-Deputat Kap Eżekuttiv tagħha.
Rapport ta’ The Shift News żvela kif l-ogħla żewġ uffiċjali ta’ din l-aġenzija tal-gvern – li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Byron Camilleri, is-CEO Steve Agius u d-Deputat CEO Paula Cauchi Meachen, misterjożament telqu mill-Aġenzija f’daqqa. Aħbar li l-Gvern ma ċaħadx.
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi, Darren Carabott, staqsa għaliex tnejn min-nies fl-ogħla żewġ karigi f’Identità li kienu qrib ferm tal-Labour warrbu mill-karigi li kienu appuntati fihom wara biss sena. Kemm Agius kif ukoll Cauchi Meachen kienu nħatru fil-karigi tagħhom matul l-2024 mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.
Fl-istess stqarrija huwa talab lill-Gvern jiċċara l-fatti marbutin ma’ dawn ir-riżenji għal għarrieda, u jikkonferma wkoll jekk hux minnu dak li qed jiġi rrappurtat fil-media li dawn ma setgħux ikomplu jaħdmu minħabba l-indħil u l-pressjoni li kienet qed issirilhom, fost l-oħrajn mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-PN jikkundanna l-mod kif fl-aħħar snin it-tmexxija tal-Aġenzija Identità nbidlet f’każin tal-Labour, u jfakkar fid-diversi skandli li bihom hija mifnija din l-aġenzija, ewlieni fosthom l-iskandlu tal-karti tal-identità u l-permessi ta’ residenza li fih ammont kbir ta’ persuni rċivew posta b’ismijiet ta’ persuni li qatt ma għexu fl-indirizzi tagħhom. Racket li kien jibqa’ għaddej bil-moħbi kieku ma kienx għal inkjesta maġisterjali li ntalbet.
L-Oppożizzjoni tirringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ Identità għall-ħidma li jwettqu, imma tistenna li l-Ministru Camilleri u dawk li jmexxu din l-aġenzija importanti f’pajjiżna jwieġbu dwar dak li qed jiġri f’din l-entità tal-gvern.