Fi kliem Jason Micallef, bil-flus li ntefqu fil-Film Festival hu kien jagħmel żewġ edizzjonijiet tal-Isle of MTV u 20 spettaklu fil-Belt lejlet l-ewwel tas-sena.
Hija din il-kritika diretta li saret pubblikament lejn il-Ministru Owen Bonnici mid-Delegat Speċjali tal-Partit Laburista. Dan wara li sar magħruf li l-Mediterrane Film Festival ġie jiswa madwar €5 miljun biex ittella’, hekk kif diversi personalitajiet mid-dinja taċ-ċinema għal darb’oħra nġiebu f’pajjiżna matul il-ġimgħa li għaddiet.
Fost dawn kien hemm l-attur Russel Crowe flimkien ma’ ġurnalisti u membri ta’ diversi crews mid-dinja ta’ Hollywood inġiebu mill-Istati Uniti; f’ġimgħa deskritta bħala waħda ta’ lussu.
Is-sena l-oħra, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech kien saħaq li l-festival tal-2024 ġie jiswa €3.9 miljun. Madanakollu, wara insistenza mill-midja u mill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi sar magħruf li l-festival kien ġie jiswa €1.1 miljun aktar.
Jibqgħu jattakkaw lil Owen Bonnici
Is-settur tal-films, wara l-fjask li għamel Clayton Bartolo, issa jinsab f’idejn il-Ministru Owen Bonnici.
Iżda l-għażla ta’ Bonnici xejn ma niżlet tajjeb mal-klikka estremista tal-Labour. Tant li ilu xhur sħaħ fil-mira ta’ attakki minn naħa tal-artikolista Neville Gafà. U issa, ingħaqad ma’ din l-istrateġija anke Jason Micallef; li huwa wieħed mill-uċuħ prominenti tal-element estremista fil-Partit Laburista.
Fil-fatt, sorsi miċ-ĊNL spjegawlna li din tal-Film Festival niżlet għasel ma’ Micallef u sħabu, li mill-ewwel rikbu fuq il-karru biex jattakkaw lil Owen Bonnici.
//= $special ?>