Lokali Parlament

Il-piż tal-mediċini għandu jitneħħa minn fuq il-Community Chest Fund

Ritratt: Martin Agius

Stephen Spiteri, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri sostna fil-Parlament li l-piż tal-mediċini għandu jitneħħa minn fuq il-Community Chest Fund.

Stephen Spiteri qal li l-mediċini fuq il-formolarju tal-gvern għandhom ikunu disponibbli kollha u tinqata’ l-problema tal-mediċini out-of-stock. Hu kompla li jeħtieġ li tissolva s-sitwazzjoni ta’ kif hemm mediċini tal-kimoterapija li jingħata mill-Community Chest Fund.

Dawn għandhom imorru għat-trattament li jingħata taħt l-Awtorità tal-Mediċini u d-Dipartiment tas-Saħħa biex il-gvern ikun jista’ jagħti l-kura kif xieraq. Dan il-piż għandu jitneħħa minn fuq il-Community Chest Fund, sostna Stephen Sptieri, li kompla li wara kollox il-gvern qed joħroġ ammont ta’ sussidji għal dawn il-mediċini.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern għandu jadotta s-sistema fejn mhux kull mediċina ġenerika hi tajba u ta’ kwalità għat-trattament. Jeħtieġ li tkun eliminata l-ħela kbira ta’ mediċini li hemm fil-POYC għaliex dawn jiswew il-miljuni. Dawn il-flus għandhom jintefqu f’mediċini oħra li jintużaw biex ma jinħlewx.

Dwar il-mediċini ta’ innovazzjoni, id-deputat Nazzjonalista appella għal iktar riċerka fis-saħħa u għal iktar aċċess mill-pazjent għal dawn il-mediċini.