Lokali

It-tabib Michael Spiteri jesprimi frustrazzjoni għan-nies li jidħlu f’zona ta’ inċident daqslikieku s-salott tagħhom

“Biex nagħmluha ċara — sit ta’ inċident mhux xi zona tad-divertiment tiegħek”.

Hekk kiteb it-tabib tal-Emerġenza Michael Spiteri wara inċident riċenti li kellna fi tmiem il-ġimgħa. U wara li f’dawn l-aħħar xhur, qed jara wisq nies li jidħlu wara t-tape f’zona ta’ inċident bħallikieku l-post hu tagħhom. “Qed iġibu ruħhom bħallikieku qed jidħlu fis-salott tagħhom — jieħdu r-ritratti, iħarsu, jew jippruvaw jidhru importanti”.

“Imma filwaqt li intom qed ittellfuna, aħna nkunu qed niġġieldu biex inżommu lil xi ħadd ħaj. Għandna sekondi, mhux minuti. Mhux qed nagħmluha għall-gost, iżda għax dak id-dmir tagħna.”

It-tabib Spiteri appella lin-nies biex ma joħolqux aktar problemi ma’ dawk li diġà jkollhom bħala tim tal-Emerġenza. Għaliex kull sekonda li jaħlu hi sekonda nieqsa mill-pazjent li qed imut. “Tkunx egoist”, saħaq it-tabib Spiteri.

Hu fakkar ukoll li s-sit ta’ inċident huwa perikoluż u jista’ jkun ukoll sit forensiku.

“Aħna m’aħniex hemm għad-divertiment tiegħek. M’aħniex soap opera. Aħna hemmhekk biex insalvaw il-ħajjiet — u l-preżenza tiegħek tagħmilha ħafna iktar diffiċli. Allura, jekk m’intix pazjent jew parti mit-tim tar-rispons: Ibqa’ lura. Tersaqx”.