Sport

Jinkiser ir-rekord dinji tan-nisa fil-5,000 metru

Beatrice Chebet tal-Kenja kisret ir-rekord dinji tan-nisa fil-5,000m meta għamlet id-distanza fi 13-il minuta 58.06 sekonda filwaqt li l-Kenjana Faith Kipyegon niżżlet ir-rekord dinji tagħha stess fil-1,500m fil-laqgħa tal-atletika tad-Diamond League, f’Eugene, Oregon.

Chebet, ta’ 25 sena, rebbieħa tal-midalja tad-deheb Olimpika fil-5,000 u l-10,000m f’Pariġi s-sena l-oħra, saret l-ewwel atleta mara li kisret il-barriera ta’ 14-il minuta fil-5,000 metru. Jebet Ngetich tal-Kenja  temmet  fit-tieni post f’14-il minuta u 01.29 sekondi; u Gudaf Tsegay tal-Etjopja temmet fit-tielet post b’14-il minuta u 04.41 sekondi

Kipyegon, għal tliet darbiet champion Olimpika renjanti, rebħet l-1,500m fi 3 minuti 48.68 sekonda , u b’hekk tejbet ir-rekord ta’ 3 minuti 49.04 sekondi li stabbiliet f’Lulju 2024.

Diribe Welteji tal-Etjopja spiċċat it-tieni fi 3:51.44, u għelbet lir-rebbieħa tal-midalja tal-fidda Olimpika tal-Awstralja Jessica Hull, li kienet żammet ma’ Kipyegon sal-aħħar dawra iżda kkuntentat bit-tielet post fi 3:52.67.