Internazzjonali

L-Ingilterra: Tifkira tat-terrur ta’ 20 sena ilu fil-qalba ta’ Londra

Il-poplu Britanniku qed ifakkar l-20 anniversarju tal-hekk imsejħa ‘London Bombings’ – il-jum iswed (f’Londra) meta erba’ iġiel ispirati mill-grupp terroristiku Al-Qaeda, kienu tajru diversi splussivi marbutin ma’ persunthom waqt li rekbin fuq xarabank u tliet ferroviji tal-underground.

L-attakki rispettivi seħħew fuq il-ferroviji fl-istazzjonijiet ta’ Aldgate, Edgware Road u Russell Square – bl-isplużjoni l-oħra, siegħa wara, teqred double-decker bus f’Tavistock Square.

L-isplużjonijiet – fil-ħin tar-rush hour, waqt l-għodwa tas-7 ta’ Lulju tal-2005 – ħallew 52 vittma u viċin it-800 midruba; bil-poplu fil-kapitali jbati t-trawma tal-iżviluppi għal diversi xhur wara.

Intant, illum sar ukoll servizz ta’ tifikira f’St Paul’s Cathedral fejn inqraw l-ismijiet tat-52 persuna – ilkoll ċittadini innoċenti –  li nqatlu fis-sensiela ta’ splużjonijiet.

Preżenti għas-servizz kien hemm il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, id-Duka u Dukessa ta’ Edinburgh u diversi ħaddiema li kienu wieġbu fil-pront għas-sejħiet ta’ emerġenza dritt wara l-attakki tal-2005.