Lokali Qorti

Mhux ħati li qabbad siġar protetti f’Ħad-Dingli

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Monica Vella, eżonerat lil Francesco Galea, raġel ta’ 75 sena mir-Rabat, mill-akkużi li qabbad nar b’mod irresponsabbli u kkawża ħsarat lil siġar protetti u proprjetajiet oħra fil-limiti tal-Qaws, Ħad-Dingli.

Il-ħruq kien jestendi għal madwar 300 tomna ta’ art agrikola u xagħri fejn jidher ukoll li nħarqu siġar protetti u mħarsa bil-ligi. Il-każ imur lura għas-6 ta’ Ottubru 2023, meta nar estensiv ħakem għelieqi fil-madwar u ħalla ħerba sinifikanti.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha ġibdet widnejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f’din l-investigazzjoni, u dan minħabba li kienet assenti f’dan il-każ. L-investigazzjonijiet indikaw li Galea kien qabbad xi ħaxix ħażin fl-għalqa tiegħu dakinhar.

Madanakollu, il-Qorti sabet li ma kien hemm l-ebda provi li juru li kien proprju dan in-nar li kkaġuna t-tixrid tan-nirien fuq skala tant kbira. Fil-proċess ħareġ fid-deher ukoll ix-xhieda ta’ esperti tal-Protezzjoni Ċivili li spjegaw li r-riħ qawwi kien fattur determinanti fit-tixrid mgħaġġel tan-nirien, u li kien hemm possibbiltà li n-nar seta’ beda minn postijiet oħra.

Il-Qorti nnutat ukoll li Galea kien ħa prekawzjonijiet u li qabbad iż-żrar li ried jaħraq f’post sigur. Huwa wkoll wera koperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet mill-bidu tal-investigazzjoni. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li ma ġiex provat lil hinn minn kull dubju raġonevoli li kien Galea li kkawża t-tixrid tan-nar fuq skala kbira u, għaldaqstant, ġie illiberat mill-akkużi kollha.

Il-Qorti qalet li l-każ jagħti sinjal ċar dwar l-importanza tal-provi ċari f’każijiet fejn jista’ jkun hemm diversi fatturi esterni li jikkontribwixxu għall-inċidenti, b’mod partikolari meta dawn jinvolvu ambjent naturali u riskji ta’ tixrid ta’ nar.

Il-Qorti ordnat li din is-sentenza tintbagħat immedjatament lill-Ministru tal-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, sabiex jassigura li l-Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jingħataw taħriġ aktar speċjalizzat dwar kif għandhom jiġu investigati każijiet li jinvolvu ħruq u qerda ta’ ambjent naturali.

Barra minn hekk, il-Qorti kkundannat l-assenza totali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f’din l-investigazzjoni, u ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat ukoll lill-Kap Eżekuttiv tal-istess Awtorità. Il-Qorti qalet li l-ERA għandha tkun aktar proattiva u involuta b’mod dirett f’investigazzjonijiet bħal dawn sabiex isir ħarsien veru tal-wirt naturali u tal-flora u fawna Maltija.

Dan il-każ jixħet dawl fuq lakuni sinifikanti fil-mod kif l-awtoritajiet jittrattaw inċidenti li jolqtu l-ambjent, u l-Qorti bagħtet messaġġ ċar li każijiet bħal dawn għandhom jiġu investigati b’serjetà akbar u b’kollaborazzjoni interdipartimentali sabiex jiġu salvagwardjati r-riżorsi naturali tal-pajjiż.