Il-Qorti tal-Maġistrati illiberat lil James Dimech ta’ 29 sena miż-Żejtun minn diversi akkużi relatati ma’ sewqan perikoluż u traskurat wara li l-prosekuzzjoni naqset milli tippreżenta provi validi li jorbtuh mal-inċident. Il-każ kien jirrigwarda inċident li seħħ fi Triq il-Benniena, is-Siġġiewi, f’Awwissu tal-2021, meta vettura kienet qed tinstaq minn raġel li kien flimkien ma’ martu, Carmela Galea.
Hija ntlaqtet minn wara minn karozza oħra. Galea ġarrbet ġrieħi gravi fid-dahar u kienet meħtieġa tilbes ċintorin ortopediku għal diversi xhur. Madankollu, la l-vittmi u lanqas ix-xhieda ma setgħu jidentifikaw min kien is-sewwieq tal-vettura li ħabtet magħhom.
Il-vittmi kienu ċari li ma rawx lill-persuna li ħabat magħhom u lanqas in-numru tar-reġistrazzjoni tal-vettura l-oħra. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace osservat ukoll li l-evidenza prinċipali li tressqet mill-prosekuzzjoni kienet miksuba bi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-imputat, hekk kif ma ngħatax il-parir legali u ma ngħatawx it-twissijiet neċessarji skont il-liġi dwar id-dritt li jżomm is-silenzju u li jkun assistit minn avukat.
Minħabba dan, il-Qorti ddeċidiet li din l-evidenza ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni u li ma kienx hemm provi oħra li jissodisfaw l-oneru tal-prova lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Għalhekk, il-Qorti ma sabitx lil James Dimech ħati mill-akkużi miġjuba kontrih u ordnat l-assoluzzjoni tiegħu minn kull ħtija u piena.
//= $special ?>