Robert Abela, Stefan Zrinzo Azzopardi u Owen Bonnici jmeru lil xulxin pubblikament
Wara li awtorità li kienet taqa’ taħtu meta kien Ministru responsabbli mil-Lands reġgħet daħħlet jaħdem mal-gvern persuna mixlija b’akkużi kriminali fil-Qorti dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li ma jaqbilx mad-deċiżjoni li ħa l-Gvern stess.
Dan wara li l-Ministru Owen Bonnici – li llum huwa responsabbli mill-Awtorità tal-Artijiet – waħħal fih u qal li kien il-predeċessur tiegħu li approva d-deċiżjoni li Kurt Buhagiar jirritorna fl-Awtorità tal-Artijiet minkejja li qed jiffaċċja akkużi ta’ qtil involontarju. Risposta li qanqlet ir-reazzjoni ta’ Zrinzo Azzopardi li fuq il-media soċjali ħasel idejh u wieġeb li din kienet deċiżjoni “amministrattiva” li hu qatt ma approva jew ta l-kunsens għaliha, u farfarha fuq is-CEO tal-Lands.
Bil-ħmar iwaħħal f’denbu, ftit wara ħareġ il-Prim Ministru Robert Abela jmeri pubblikament dak li qal Zrinzo Azzopardi u jiddefendi d-deċiżjoni tal-gvern għax skont hu, Buhagiar qed jagħmel ix-xogħol li jitħallas għalih.
Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lil Zrinzo Azzopardi biex jekk dak li qed jgħid hu minnu u verament jemmen dak li qal, jinsisti li din id-deċiżjoni tiġi rtirata u jittieħdu passi kontra min ħa din id-deċiżjoni skandaluża.
Il-Partit Nazzjonalista diġà wissa li l-Gvern Laburista ma tgħallem xejn mill-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia u baqa’ ma implimentax ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika. Dak li ġara fl-aħħar jiem huwa konferma oħra li l-Gvern Laburista ma jemminx fl-Inkjesta Sofia, ma jħaddanx is-saltna tad-dritt u wisq anqas għandu rispett lejn il-familja tal-vittma. Il-Partit Nazzjonalista jsostni għal darba oħra li:
1. Kurt Buhagiar għandu jiġi immedjatament sospiż mil-Lands Authority sakemm il-każ jiġi konkluż fil-Qorti;
2. Il-Gvern għandu jippubblika l-kriterji u l-proċedura li wasslu għal din id-deċiżjoni “amministrattiva”;
3. Il-Prim Ministru Robert Abela għandu jispjega kif se jiggarantixxi li r-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Inkjesta Sofia jiġu attwati bla aktar dewmien;
4. Ikun hemm kontabbiltà politika minn dawk li ħadu jew iddeċidew li jiddefendu din id-deċiżjoni skandaluża.
Robert Abela għal darb oħra għandu deċiżjoni quddiemu: jew ikun mal-familja ta’ Jean Paul Sofia u mal-poplu Malti, jew inkella kontrihom.
Din l-isqarrija ġiet maġruġa mix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit