Internazzjonali

Netanyahu jżur l-Isati Uniti hekk kif Trump iżid il-pressjoni għal ftehim għal waqfien mill-ġlied f’Gaza

It-tama għall-paċi f’Gaza qed tikber hekk kif il-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu, iltaqa’ mal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, f’Washington.

Trump qal li qabel li insista ma’ Netanyahu biex jaslu fi ftehim għal waqfien mill-ġlied, u żied li kien kunfidenti li dan se jseħħ din il-ġimgħa.

Min-naħa tiegħu, Netanyahu rrepeta l-fiduċja ta’ Trump, fejn qal li qed jaħdmu biex jaslu għal ftehim bil-kundizzjonijiet li Iżrael aċċetta.

Dan hekk kif s’issa, id-differenza fundamentali bejn id-domandi taż-żewġ naħat hi li Hamas iridu waqfien mill-ġlied permanenti, waqt li Iżrael qed jinsisti fuq waqfien mill-ġlied temporanju.

Intant, in-negozjati bejn Iżrael u Hamas dwar waqfien mill-ġlied għal xahrejn reġgħu bdew f’Qatar, ilbieraħ, b’tama li jinkiseb ftehim sabiex isir skambju ta’ ostaġġi.