Lokali

Nhar il-Ħamis: Kunċert b’xejn mis-Soċjetà Filarmonika Pinto Band San Sebastjan f’Ħal Qormi

Is-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan ta’ Ħal Qormi, qed tħejji biex nhar il-Ħamis 17 ta’ Lulju 2025, ittella’ kunċert  bid-direzzjoni ta’ Dominic Darmanin, kunċert b’xejn fl-apert, b’mod li l-entità tesponi l-kapaċita versatili tagħha.  Bħala parti mill-festa parrokkjali ta’ San Sebastjan se jittella’ l-kunċert vokali u strumentali li se jinvolvi wkoll ‘il fuq minn 40 żgħażagħ minn Masquerade Malta.

L-ewwel parti tal-kunċert ser tikkonsisti minn innijiet devozjonali ddedikati lil San Sebastjan, fosthom dak magħruf bħala l-Innu l-Kbir ta’ Giovanni Gatt u li kien indaqq għall-ewwel darba minn din il-banda fl-1907. Apparti l-Innijiet, l-ewwel parti tal-kunċert tkun tinkludi wkoll siltiet klassiċi għall-banda, fosthom Poet and Peasant, kompożizzjoni ta’ Franz von Suppé (1819 – 1895), u siltiet oħra kontemporanji.

It-tieni parti mbagħad se tkun dedikata għall-mużika aktar popolari mill-grupp Queen, fejn hawn se naraw l-involviment ta’ diversi esponenti  promettenti ferm fix-xena artistika lokali.  Dan meta żgħażagħ u tfal imħarrġa fid-dixxiplini ta’ kant, drama u żfin, se jingħaqdu mal-banda biex iwasslu kunċert lil hinn minn dak li normalment naraw fil-kunċerti tal-festi.

Għal dan il-kunċert ilhom għaddejjin preparamenti għal diversi xħur.  Dan biex mhux biss il-kunċert jilħaq l-aspettattivi kollha, iżda biex l-artisti u l-mużiċisti flimkien, ikollhom l-ispazju kollu biex iwasslu serata ta’ livell għoli, b’ħidma konġunta u b’esibizzjoni li żgur ser timpressjona.

Dan il-kunċert vokali u strumentali huwa bla ħlas, u ser isir nhar il-Ħamis 17 ta’ Lulju 2025 fi Triq San Sebastjan f’Ħal Qormi fid-9:00 ta’ filgħaxija, u fih se jieħdu sehem ukoll it-tenur Joseph Aqulilina, il-kor ta’ Romina Vella u l-kantanta Kristy Spiteri li din is-sena ġiet fit-tieni post fil-Malta Eurovision Song Contest (MESC 2025).