Opinjoni

OPINJONI: Ikompli l-proċess għall-ħatra ta’ Kap ġdid

Lourdes Pullicino
Chairperson Kummissjoni Kandidati
Partit Nazzjonalista

Il-Ħadd li għadda għalaq iż-mien li fih setgħu jintefgħu d-dikjarazzjonijiet ta’ interess minn membri tal-Partit interessati li jikkontestaw għall-kariga ta’ Kap tal-Partit.
Tul dan iż-żmien, twil sebat ijiem mill-avviż li nħareġ immedjatament wara li ntemm il-Kunsill Ġenerali, il-Kummissjoni Elettorali rċeviet żewġ dikjarazzjonijiet ta’ interess – dik ta’ Adrian Delia u dik ta’ Alex Borg.
Dan ifisser li l-għażla għall-Kap tal-Partit se tkun bejn mhux iktar minn żewġ kandidati. Għalhekk ikun hemm stadju wieħed ta’ votazzjoni, jew mit-tesserati tal-PN imlaqqa’ f’Konvenzjoni Ġenerali fil-każ li ż-żewġ dikjaranti jitfgħu n-nomina jew mill-Kunsill Ġenerali fil-każ li jkun hemm nomina waħda.
Il-proċess tal-ħatra issa qed ikompli fuq żewġ binarji bil-ħidma ta’ żewġ Kummissjonijiet li xogħolhom jissokta fil-ġimgħat li ġejjin. Dawn huma l-Kummissjoni Elettorali li l-isem sħiħ tagħha huwa l-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data u l-Kummissjoni Kandidati li t-tnejn huma kostitwiti skont l-Istatut tal-PN.
Xogħol il-Kummissjoni Elettorali
Nhar it-Tlieta li għadda, iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali Mario Callus bagħat uffiċjalment liċ-Chairperson tal-Kummissjoni Kandidati Lourdes Pullicino l-ismijiet ta’ dawk li tefgħu d-dikjarazzjoni ta’ interess tagħhom.
L-Istatut jistipula li dan irid iseħħ fi żmien jumejn minn mindu għalaq il-perjodu ta’ dikjarazzjonijiet ta’ interess biex wieħed jikkontesta l-kariga. B’hekk skattat issa wkoll il-ħidma li trid twettaq il-Kummissjoni Kandidati.
Sadattant iżda l-Kummissjoni Elettorali trid tħejji dak kollu meħtieġ biex tkun tista’ ssir l-elezzjoni. Ewlenija fost din il-ħidma hemm li tassigura reġistru ta’ tesserati li huma eliġġibli biex jivvutaw fl-elezzjoni ta’ Kap skont il-provedimenti tal-Istatut.
Dawn it-tesserati jridu jkunu msieħba fil-Partit għal mill-anqas sentejn kalendarji konsekuttivi qabel is-sena li fiha ssir l-elezzjoni ta’ Kap, li jkunu għalqu d-dsatax-il sena, u li jkollhom il-ħlas tas-sħubija tagħhom aġġornat għall-inqas għas-snin 2023, 2024 u 2025. Fil-każ ta’ żgħażagħ sa tmintax-il sena, dawn iridu jkunu ilhom tesserati għal sitt xhur sat-18 ta’ Ġunju 2025.
Ħidma li tkun qed issir hija li tesserati li jkollhom ħlas b’lura tas-sħubija tagħhom ikunu jistgħu jaġġornaw il-ħlasijiet u jistgħu jħallsu s-sħubija tagħhom sa mis-sena 2020.
Dan il-ħlas irid isir sa għaxart ijiem qabel id-data li tkun iffissata għall-votazzjoni fil-Konvenzjoni Ġenerali. Il-Kummissjoni Elettorali hija l-organu tal-Partit li għandu jmur u jkun deċiż kull ilment li għandu x’jaqsam mas-sħubija fil-Partit jew l-eliġibbiltà għad-dritt tal-vot.
Hija din il-Kummissjoni wkoll li għandha l-obbligu torganizza minn kull aspett l-elezzjoni għall-Kap. L-organizzazzjoni loġistika, dati għal-laqgħat meħtieġa mill-organi involuti (inkluż il-Kunsill Ġenerali li tlaqqa’ żewġt Iħdud ilu), id-dikjarazzjoni ta’ interess u nomini mill-kandidati, id-dokument tal-vot, il-karta tal-vot, il-postijiet u l-kaxex tal-votazzjoni, is-siġilli tal-kaxex, il-ġranet u l-ħinijiet tal-votazzjoni, l-assistenti elettorali u l-assistenti oħra skont il-ħtieġa, l-għadd tal-voti, it-tħabbir tar-riżultat u kull ħaġa oħra meħtieġa biex l-elezzjoni titmexxa skont il-provvedimenti tal-Istatut huma lkoll fil-mandat tal-Kummissjoni Elettorali
Il-Kummissjoni Elettorali hija nkarigata wkoll li tirregola l-imġieba tal-kandidati u l-andament tal-kampanji li jsiru mill-kandidati tul il-perjodu kollu elettorali b’kull kandidat obbligat li joqgħod għad-direzzjoni u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.
Xogħol il-Kummissjoni Kandidati
Il-Kummissjoni Kandidati tidħol f’dan il-proċess fil-funzjoni tagħha li tassikura li jsir, skont il-provvedimenti tal-Artikoli 170 (g), 135, 136 u 137 tal-Istatut, l-aċċertament tal-idonejità u tad-diliġenza pruvata ta’ kull membru tal-PN li wera interess li jikkontesta għall-elezzjoni.
Din mhix xi ħaġa riservata għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit. Il-Kummissjoni Kandidati tagħmel dan l-eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta (due diligence) u l-apprezzament dwar l-idonejità fir-rigward ta’ kull membru li juri interess li jippreżenta ruħu bħala kandidat għal xi uffiċċju f’xi organu tal-Partit jew kandidat għal xi elezzjoni fil-pajjiż (lokali, elezzjoni ġenerali u elezzjonijiet Ewropej).
F’kull każ, il-Kummissjoni tikkonsidra x’livell ta’ eżerċizzju ta’ diliġenza pruvata jkun opportun li jitwettaq. L-Istatut jipprovdi wkoll li biex tkun tista’ taqdi l-funzjoni tagħha aħjar, il-Kummissjoni għandha tqabbad esperti indipendenti biex jgħinuha f’aspetti partikolari ta’ dan l-eżerċizzju.
L-Istatut tal-Partit jitkellem ukoll f’Artiklu 90 dwar il-proċess ta’ verifika u ta’ nominazzjoni ta’ Kap tal-Partit. Il-ħidma tal-Kummissjoni Kandidati skattat fil-mument li ċ-Chairperson irċeviet id-dikjarazzjonijiet ta’ interess mixħuta minn Adrian Delia u Alex Borg.
Minn naħa tagħha, il-Kummissjoni nehdiet il-proċess biex jinħatru l-esperti indipendenti kif ukoll bagħtet lil dawk interessati numru ta’ dokumenti li jridu jimlew minnhom biex jgħinu lill-Kummissjoni u lill-esperti fix-xogħol tagħhom.
Dawk interessati ntalbu biex immedjatament ukoll jiġbru u jipprovdu lill-Kummissjoni numru ta’ dokumenti, fosthom kull formola debitament mimlija, kull dikjarazzjoni firmata tal-introjtu u l-ħruġ, tal-assi u propjetà tagħhom personalment, kif ukoll kull interess fi kwalunkwe soċjetà kummercjali jew kull enti ġuridika oħra, tagħhom kif ukoll tal-membri tal-familja immedjata tagħhom, u kull dokument meħtieġ għall-verifika ta’ kull dikjarazzjoni magħmula.
Dawk li ddikjaraw l-interess iridu wkoll iwieġbu l-mistoqsijiet magħmula lilhom mill-Kummissjoni u l-esperti kif ukoll jintrabtu li jagħtu aċċess bla tfixkil u fil-ħin għal kull informazzjoni bankarja, riċerki u dokumentazzjoni biex l-eżerċizzju jkun jista’ jsir sew.
L-Istatut jitkellem ukoll f’Artiklu 135 (2) dwar il-kwalitajiet u l-kwalifiċi li l-Kummissjoni għandha tevalwa f’dan ir-rigward ta’ persuna u tistipula li: “b’karattru personali integru u onest, li l-unika motivazzjoni tagħha hi li tkun ta’ servizz għall-poplu u għall-ġid komuni tiegħu, kompetenti, u li tkun issodisfat l-eżerċizzju dwar diliġenza pruvata.”
Il-Kummissjoni Kandidati għandha mhux aktar minn sitt ġimgħat mit-Tlieta li għaddew biex tikkonkludi dawn il-verifiki meħtieġa. F’għeluq dan iż-żmien, il-Kummissjoni tibgħat ir-rapport tagħha dwar jekk dawk li ddikjaraw l-interess tagħhom jissodisfawx il-kriterji tal-verifika lill-Kunsill Amministrattiv u lill-Kummissjoni Elettorali.
Ikun f’dan l-istadju u mhux aktar tard minn tlett ijiem minn mindu tirċievi r-rapport ta’ verifika, li l-Kummissjoni Elettorali toħroġ l-avviż li jsejjaħ għal nominazzjonijiet ta’ kandidati għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit minn fost dawk li jkunu ssodisfaw il-kriterji tal-verifika.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument  tal-Ħadd 6 ta’ Lulju, 2025.